Hemm bżonn li tissaħaħ il-kultura ta’ kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Tkellmet dwar dan il-Ministru Helena Dalli fl-indirizz tagħha f’konferenza li għaliha kienu preżenti l-Kapijiet eżekuttivi tal-assoċjazzjonijiet tal-mediċina minn madwar l-Ewropa.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-Professur Franċiż, Phillippe Bouchard li dwar il-morning-after pill qal li kienu aktar minn tliet miljun tfajla fi Franza li ħaditha. Liema pillola hija aċċessibbli f’kull ħin u f’kull spiżerija fi Franza u għalhekk spjega l-importanza tal-irwol tal-ispiżjar li joħloq aktar kuxjenza dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb tiegħu nnifsu billi jfiehem lil klijent dwar il-prodott meta jinxtara mingħajr preskrizzjoni.
Min-naħa tagħha, Lilian Azzopardi, mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-fakultajiet tal-farmaċewtika stqarret li l-ispiżjara tal-futur qed jiġu mħarrġa biex joffru l-aqwa servizz lill-pazjenti. Filfatt, ġie spjegat li l-kors tal-farmaċewtika f’Malta ikklassifika fl-ewwel post fi studju li sar fuq livell globali u dan għaliex jagħti l-ħiliet neċċessarji lill-istudenti.