Waqt li kulma jmur qed jiżdiedu l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fl-attivitajiet tal-bniedem, qed jgħolli rasu r-riskju li sistemi li jaħdmu b’din it-teknoloġija jaddottaw l-istess preġudizzji bejn is-sessi li sal-lum ikkaraterrizzaw is-soċjetajiet tagħna.
Din kienet tema ewlenija f’konferenza mtella’ mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni għall-Ugwaljanza dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-ugwaljanza fl-okkażjoni tal-Jum il-Mara.
Il-lettur tal-intelliġenza artifiċjali fl-Universita ta’ Malta Dr Claudia Borg fissret kif is-sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali qegħdin jibnew biex jaħdmu b’ċertu preġudizzji.
Spjegat li dan huwa dovut għall-mod kif il-bnedmin ikunu pprogrammaw is-sistema biex taħdem, kif ukoll għal sistemi diġitali eżistenti li nħolqu numru ta’ snin ilu.
B’dan iwassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa anka fil-ħajja ta’ kuljum.
Dr Borg fissret: “Jekk tkun kumpanija li mingħajr ma biss tkun konxja, dejjem għamlet preferenza li timpjega l-irġiel, dik is-sistema ħa tagħmel l-istess, ħa tirriżulta fl-istess tip ta’ aġir allura hemmhekk qed tikkrea bias, diskriminazzjoni favur ċertu sess.”
Semmiet li dan irid ikun indirizzat billi issir analiżi profonda u kostanti għalfejn sistemi jkunu qegħdin jaħdmu b’mod diskriminatorju. Qalet li b’hekk jonqos ir-riskju tal-inugwaljanza anka permezz tat-teknoloġija.
Hija kompliet tispjega: “Kemm jista’ jkun irridu ndaħħlu l-mentalità li niċċekkjaw u ninvestigaw mhux lakemm ipproduċejt sistema, qed nara li taħdem itfagħha hemm barra. Le, dan ma jistax jsir u rridu niċċekjaw għalfejn sistema qed taħdem kif inhi.”
Il-Kummissarju għall-Ugwaljanza Reneè Laiviera sostniet li din ir-realtà tista’ twassal għal futur diġitali magħmul mill-irġiel għall-irġiel.
Qalet li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jistgħu jxekklu d-diversità u l-aċċessibilità għas-sessi kollha. Id-diskriminazzjoni u l-preġudizzji għandhom jiġu evitati sabiex ma jħallux implikazzjonijiet negattivi.
Reneè Laiviera sostniet: “Jekk ma noqogħdux attenti u nkunu konxji tal-input li qegħdin nagħmlu tad-data biex is-sistema taħdem, tagħġen dik l-informazzjoni u toħroġ l-outcomes li jkunu pożittivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, dan ma jiġrix.”
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis fejn semma kif rappreżentanza ugwali tan-nisa u l-irġiel fix-xjenza u t-teknoloġija huma kruċjali biex fl-intelliġenza artifiċjali jkun hemm ugwaljanza bejn is-sessi.
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar saħqet li l-intelliġenza artifiċjali trid tirrispetta d-drittijiet fundamentali u ma tiddiskriminax.
Is-Segretarju Parlamentari Clayton Bartolo semma kif il-Gvern għaraf li juża l-potenzjal sħiħ tal-intelliġenza artifiċjali u lest jaħdem għall-ġid komuni kemm mas-settur privat kif ukoll mas-settur pubbliku.