Il-Kavallerija tal-Pulizija.
Taqsima li ilha mwaqqfa sa mill-elf tmien mija u sittin u li tul il-milja tas-snin qdiet diversi dmirijiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
David Fenech, Surġent li ilu jaħdem f’din it-taqsima għal sebgħa u għoxrin sena spjega li apparti l-irwol ċerimonjali, il-Pulizija tal-Kavallerija jagħmlu wkoll xogħol fil-komunitajiet.
Qal, “Aħna noħorġu kuljum xogħol normali kif jagħmel kull kwalinkwe Pulizija fil-Korp. Flok noħorġu bil-karozza jew bil-mutur aħna noħorġu biż-żiemel.”
Fenech kompla jispjega li ronda biż-żiemel għandha wkoll diversi vantaġġi. Spjega wkoll li fi żmien il-pandemija l-Pulizija tal-Kavallerija ħadmu wkoll fuq l-ispezzjonijiet.
Spjega, “Immorru patrols fejn ma tidħolx karozza jew f’parks bħall-Buskett.”
Permezz taż-żiemel, il-Pulizija tkun tista’ żżomm aktar kuntatt man-nies li jiltaqgħu magħhom.
Qal, “Ħafna speċjalment tkun qiegħed patrol u jieqaf jitkellem miegħek għax iż-żiemel minnu huwa ta’ attrazzjoni.”
Apparti f’postijiet inaċċessibbli, il-Kavallerija tal-Pulizija ssibha ukoll f’attivitajiet tal-massa bħaċ-ċelebrazzjonijiet li saru dan l-aħħar b’rabta mal-EURO.
Qal, “Kellna sitt żwiemel fuq xogħol, tnejn Buġibba, tnejn San Ġiljan u tnejn Ta’ Sliema għal crowd control li kellna nintużaw minħabba il-folol speċjalment f’San Ġiljan.”
Apparti x-xogħol fuq barra l-Pulizija tal-kavallerija iridu jieħdu ħsieb iż-żwiemel.
Fenech spjega li din il-ħidma tibda fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu sabiex iż-żiemel ikun lest għal ġurnata xogħol f’ambjent nadif ġo stalla bi tmintax-il żiemel.
Spjega, “Żiemel fin-natural tiegħu huwa jibża’ ħafna jiġifieri l-Pulizija għandu xogħol aktar iebes biex għandek folla, storbju huma kollha ta’ stress għaż-żiemel.”
Fenech, li saħansitra rċieva taħriġ barra minn xtutna huwa wkoll wieħed mill-persuni li jippreparaw liż-żwiemel għax-xogħol. Spjegalna li ż-żiemel jasal f’Malta mingħajr taħriġ u huwa xogħol il-Pulizija Maltija li tipprepara liż-żiemel għat-taħriġ.
Qal, “Aħna nibdew it-training bilmod bandiera waħda u jkollok treat, turihielu u ttih waħda u z-ziemel ma bezax għax tajtu treat.”