Il-kap tal-grupp merċenarju Russu Wagner llejla qal li l-ġellieda tiegħu se jwaqqfu l-avvanz tagħhom lejn il-kapitali Moska biex jevitaw li jiġri d-demm f’kunflitt ċivili devastanti.
F’messaġġ irrekordjat li tella’ fuq il-paġna tiegħu fuq il-midja soċjali Telegram, Prigozhin qal li t-truppi tiegħu se jerġgħu lura wara li kienu waslu sa 200km biss bogħod minn Moska. Aktar kmieni llum, il-President Russu, Vladimir Putin, ikkundanna l-irvell min-naħa tal-Wagner bħala tradiment u wissa li l-pajjiż seta’ jispiċċa fi gwerra ċivili. Huwa ħalef li se jikkastiga lir-ribelli.
Kmieni dalgħodu Prighozin ħabbar li, minħabba l-mod inkapaċi kif il-Kremlin qed imexxi l-gwerra kontra l-Ukrajna, il-merċenarji tiegħu ħadu l-kontroll tal-belt Russa ta’ Rostov-on-Don. Din il-belt tinsab fin-nofsinhar tar-Russja u hija ċentru tal-loġistika għall-gwerra Russa. Wara, huma heddew li kienu se jidħlu Moska. Il-forzi tal-Wagner dehru li stabbilixxew ruħhom tajjeb ukoll fil-belt ta’ Voronezh, 500km lejn in-Nofsinhar tal-kapitali.
Matul il-jum it-truppi Russi sparaw bl-artillerija f’Voronezh filwaqt li ġellieda Ċeċeni ntbagħtu biex jissieltu kontra l-Wagner f’Rostov.
Ftit qabel id-dikjarazzjoni ta’ Prigozhin, il-mexxej tal-Belarussja, Alexander Lukashenko, ħareġ stqarrija li fiha qal li matul il-jum kellu taħditiet miegħu u kkonvinċih iwaqqaf il-moviment tal-ġellieda tiegħu fir-Russja u jikkalma l-affarijiet.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, qal li llum id-dinja rat li l-kbarat tar-Russja tilfu l-kontroll u għandhom kaos totali. “Aktar ma t-truppi tagħkom idumu fuq art Ukrena, aktar se jġibu devastazzjoni fir-Russja. Aktar ma’ din il-persuna (Putin) iddum fil-Kremlin, aktar se jkun hemm diżastri,” qal il-President Ukren.