L-Istrateġija Nazzjonali Maltija dwar l-Awtiżmu kienet deskritta bħala mudell tajjeb li l-Irlanda qed tħares lejh
fit-tfassil tagħha għal strateġija simili. Fl-istess waqt, fil-jum internazzjonali tas-smigħ, Malta kompliet timbotta
l-importanza li aktar pajjiżi jinvestu fi proġetti simili bħal dak tal-Hearing Care Campaign, biex ikunu evitati
diżabbiltajiet marbuta mas-smigħ.
Dan ħareġ waqt laqgħa bilaterali li saret bejn il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet talKonsumatur Julia Farrugia Portelli u l-Ministru Irlandiż responsabbli mit-Tfal, Ugwaljanza, Diżabbiltà, Integrazzjoni u Żgħażagħ Roderic O’Gorman u mal-Ministru tal-Istat fuq Diżabbiltà Anne Rabbitte.
Matul din il-laqgħa ġiet diskussa l-kooperazzjoni bejn il-Gvern Malti u dak Irlandiż dwar suġġetti relatati malinklużjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Il-Ministru Farrugia Portelli ddeskriviet din il-laqgħa bilaterali bħala waħda pożittiva u ta’ motivazzjoni għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod speċjali fil-qasam tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Matul din il-laqgħa l-Ministru Farrugia Portelli tkellmet fuq il-ħidma li qed tagħmel Malta dwar il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u enfasizzat il-prijoritajiet tal-Gvern Malti f’dan is-settur.
Iż-żewġ pajjiżi qablu li jaqsmu l-aħjar prattiċi fosthom dwar teknoloġija assistiva fis-settur tad-diżabilità.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar l-impenn tal-Gvern Malti biex aktar persuni b’diżabilità jkollhom sehem attiv fid-dinja tax-xogħol fosthom bil-proġett Way to Work, kif ukoll l-iskema New Hope li permezz tagħha l-Gvern qed jidħol hu bħala guarantor meta kumpaniji tal-assikurazzjoni ma joħorġux polza ta’ assikurazzjoni biex persuna b’diżabilità ssir sid ta’ darha.
Suġġetti oħra diskussi kienu r-riforma fuq il-Blue Badge kif ukoll riforma li daħħal il-Gvern fl-2017 biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet akkumpanjata mis-Segretarju Permanenti Nancy Caruana u mill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju Mauro Pace Parascandalo.