Il-Kummissjoni Elettorali fl-Irlanda qed tikkonsidra li tnaqqas l-età eliġibbli biex wieħed jivvota fl-elezzjonijiet nazzjonali. Dan hekk kif il-Kummissjoni f’dan il-pajjiż tqabbdet twettaq studju dwar il-votazzjoni u l-possibbiltà li timxi fuq passi simili li ttieħdu f’pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea, inkluż f’Malta.
Rapporti fil-midja Irlandiża qalu li waħda mill-prijoritajiet li se jkun ittrattat f’dan l-istudju hu biex l-età ta’ dawk eliġibbli jivvotaw tonqos. Bħalissa l-età tal-votazzjoni fl-Irlanda hi ta’ tmintax-il sena.
Issa l-Kummissjoni Elettorali Irlandiża se tħares u tistudja l-proċessi li twettqu f’pajjiżi bħal Malta, l-Awstrija u l-Ġermanja biex naqqsu l-età tal-votanti fl-aħħar żmien.
F’pajjiżna, l-età eliġibbli biex wieħed jivvota naqqset fl-2018 wara vot storiku fil-Parlament, f’dik li baqgħet magħrufa bħala l-Vot Sittax. L-ewwel elezzjonijiet f’pajjiżna fejn ivvotaw żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena kienu fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali ta’ ħames snin ilu.
Bħal Malta, l-Irlanda wkoll tuża s-sistema tas-Single Transferable Vote jew kif magħrufa għall-qasir, STV.