Il-Gvern Irlandiż qabel li jagħmel referendum fl-aħħar ta’ Mejju li ġej sabiex ikun deċiż jekk għandhiex issir riforma fuq l-abort. Il-vot se jiddeċiedi jekk issirx emenda kostituzzjonali li effettivament tipprojbixxi t-terminazzjonijiet.
Fil-mument, l-abort isir biss meta l-ħajja tan-nisa tkun f’riskju iżda mhux f’każi ta’ stupru, inċest jew abnormalita’ fatali tal-fetu. Il-Prim Ministru, Leo Varadkar qal li huwa ser jikkampanja għar-riforma.
Qabel il-vot, il-ministru tas-saħħa tal-pajjiż ser jippreżenta abbozz ta’ liġi li jipproponi aċċess mhux ristrett għall-abort. Aċċess li jkun disponibbli għal nisa li jkollhom sa tnax-il ġimgħa tqala u f’ċirkustanzi eċċezzjonali anke wara. Id-data tar-referendum ser tkun deċiża wara li jsir id-dibattitu dwar din il-kwistjoni fil-parlament Irlandiż.