L-irkupru tas-settur turistiku f’Malta miexi b’ritmu mgħaġġel ħafna u fis-sajf mistennija naraw żieda qawwija fil-wasliet tat-turisti f’pajjiżna.
Iddikjara dan il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li f’kumment ma’ One News qal li kollox jinsab lest għal sajf ta’ xogħol. Huwa spjega l-aspettativi ferm pożittivi għal dan il-qasam.
Qal, “Għas-sajf se nkunu qed inkomplu ninvesti fil-bajjiet tagħna. L-għan tagħna hu dak li nkomplu ntejbu l-prodott turistiku tagħna biex, hekk kif qed naraw l-irkupru tas-settur turistiku għaddej b’rata tajba ħafna kif kien pjanat, matul dan is-sajf qed naraw li jkollna żieda tajba ħafna ta’ turisti li se jżuru pajjiżna u dan kollu jimliena b’kuraġġ sabiex ninvestu kemm mill-Gvern u anke s-settur privat f’dan is-settur hekk importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.”
Il-Ministru Bartolo semma kif, fl-aħħar snin u xhur, il-Gvern investa kemm felaħ f’dan il-qasam kruċjali ferm, anke sabiex ikompli jgħolli l-livell turistiku u fuq kollox jagħti esperjenza pożittiva lil dawk li jiġu jitpaxxew b’dak li jafu joffru l-gżejjer Maltin.
Spjega, “L-infrastruttura turistika kienet parti importanti mill-pjan ta’ rkupru ta’ pajjiżna hekk kif, matul ix-xhur li għaddew, ħdimna fuq diversi proġetti sabiex issa naraw li ladarba t-turist jiġi f’pajjiżna jkollu pajjiż isbaħ u li jkun jista’ jgawdi. Mhux biss igawduh it-turisti li jiġu f’pajjiżna iżda jgawduh ukoll il-Maltin u l-Għawdxin kollha illi, waqt il-pandemija, dawn kienu l-aqwa turist illi qatt seta’ jkollna.”
Il-Ministru Bartolo qal ukoll li t-tħabbir tat-tnaqqis fil-maġġoranza tar-restrizzjonjiet b’rabta mal-Covid-19 ukoll se jgħinu sabiex il-qasam turistiku Malti jkompli jissaħħaħ.
Huwa aċċenna għall-importanza li tiżdied il-konnettvità bl-ajru bejn Malta u pajjiżi oħra.
Qal, “Il-fatt li tnaqqsu r-restrizzjonijiet qed jgħin sabiex, l-ewwel nett, ikollna iżjed kunfidenza f’pajjiżna mit-turist li ġej iżurna iżda, aktar minn hekk, irridu nkomplu ntejbu l-konnettività minn u lejn Malta. Għal dan il-għan, għandna għaddejjin b’iżjed diskussjonijiet ma’ iżjed linji tal-ajru sabiex inkomplu nżidu l-frekwenza u r-rotot li għandna f’pajjiżna u b’hekk nerġgħu naraw ir-ritorn għal dak l-ammont li kellna qabel il-pandemija.”
Is-sentiment pożittiv ferm għall-qasam tat-turiżmu f’pajjiżna jinħass ukoll fost is-sidien tar-ristoranti u anke l-lukandiera Maltin u Għawdxin, hekk kif f’kummenti ma’ dan l-istazzjon kienu qalu li qed jistennew andament turistiku movimentat.