F’dawn iż-żminijiet sbieħ tal-festi, pajjiżna jilbes libsa unika anke jekk il-festa tal-Milied tkun għaddiet.
Fil-fatt, huma ħafna li jkomplu jġebbdu l-ispirtu festiv tal-Milied permezz tat-tiżjin wara l-25 ta’ Diċembru.
Fl-aħħar jiem żorna minn siġra tal-Milied u karattri maħdumin bil-ganċ, sa projezzjonijiet uniċi ġewwa Marsaxlokk u anke siġra li matul attività fir-Rabat tħaddmet minn karozza elettrika tal-għamla MG.
F’Marsaxlokk tkellimna mas-Sindku Steven Grech li spjegalna kif din is-sena, għal darba oħra komplew iżidu mat-tiżjin eżistenti sabiex ir-raħal pittoresk jilbes l-libsa tal-Milied b’differenza.
Qal, “Kull sena inżidu xi ħaġa ma’ li jkollna, din is-sena għamilna l-christmas tree differenti, fejn biddilna s-sistema tagħha u għamilniha ġdida u għamilna projection fuq il-ħajkt tal-knisja.”
L-Għaxqin għal sena oħra ħasbu li jkomplu jżidu t-tiżjin ġewwa l-pjazza tar-raħal, din id-darba b’presepju, żewġ nutrackers u saħansitra siġra tal-Milied mogħnija b’diversi kuluri għolja 9 metri.
Li jagħmel dan it-tiżjin tant uniku huwa li magħmul kollu mill-ganċ.
Ġewwa r-Rabat imbagħad wieħed jista’ japprezza d-dawl l-ġdid imżanżan propju din is-sena fl-okkażjoni tar-ritorn tal-attività kbira Natalis Notabilis li rritornat wara numru ta’ snin, fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Filwaqt li fit-triq prinċipali l-għajnejn iduru fuq iż-żewġ anġli fiċ-ċentru quddiem il-knisja ta’ Ġieżu, jekk wieħed jimxi ftit passi l-bogħod taħt id-dawl ċilesti u abjad wieħed jista’ japprezza wkoll siġra tal-Milied unika.
Din is-siġra li hija ‘l fuq minn 14 il-metru għolja u fiha 7500 bozza tat-tip neopixel LED, hija l-għola siġra li taħdem bil-bozoz f’pajjiżna.
Barra minn hekk titħaddem ukoll permezz ta’ karozza elettrika u saħansitra tixgħel f’sinkronità mal-mużika.