Bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi, hemm l-irħajjel medjavali ta’ Ħal Xluq. Dan il-villaġġ għadu kif kien f’din l-epoka u juri kif kienu l-irħula Maltin madwar seba’ mitt sena ilu.
Dan l-irħajjel, flimkien ma’ tlieta simili, iffurmaw ir-raħal tas-Siġġiewi.
Skont dokumenti tal-elf ħames mija u erbatax, sittax-il sena qabel ġew il-Kavallieri hawn Malta, f’Ħal Xluq kien hemm sebgħa u tletin dar.
Hawnhekk wieħed isib il-kappella ta’ żmien medjavali ddedikata lil Santa Marija.
Din il-kappella tkun miftuħa biss għall-festa, iċċelebrata l-Ħadd wara l-ħmistax ta’ Awwissu.
Il-festa ta’ Santa Marija f’Ħal Xluq tibda s-Sibt filgħaxija b’quddiesa f’din il-kappella.
Imbagħad il-Ħadd, f’jum il-festa, se ssir quddiesa filgħodu u filgħaxija jsir marċ u programm mużikali mill-Banda San Nikola ta’ din il-lokalità.
Fl-okkażjoni tal-festa se jsir kemm nar tal-art kif ukoll tal-ajru.
Brian Borg, mill-Għaqda tan-Nar San Nikola tas-Siġġiewi tana dettalji dwar l-ispettaklu tal-logħob tan-nar tal-art.
Qal, “Waqt in-nar tal-art ħa jkun hemm raddiena partikolari illi ssir is-Siġġiewi biss. Din hija sfafar intunati, kull suffara ddoqq nota differenti u ħa tkun issinkronizzata mal-mużika, fejn ħa ndoqqu l-Ave Marija għall-festa ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq.”