Olivier Grondeau, ċittadin Franċiż li kien arrestat fl-Iran għal aktar minn 880 ġurnata, safa’ meħlus hekk kif Franza u l-bqija tal-Ewropa qed jinnegozzjaw mal-Iran dwar il-programmi nuklejari.
F’kitba fuq il-mezzi soċjali, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li Grondeau kien ġie meħlus iżda ma ta l-ebda dettalji dwar x’wassal għal dan ir-rilaxx, għalkemm dan seħħ waqt in-Nowruz, l-ewwel jum tas-sena Persjana, fejn mhux l-ewwel darba li l-Iran ħeles priġunieri f’dan il-jum.
Il-Ministru Franċiż għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin, Jean-Noël Barrot, tella’ ritratt ta’ Grondeau jitbissem fuq dak li kien jidher ajruplan privat u ddikjara li ser ikomplu bl-isforzi sabiex jassiguraw li ċittadini oħra li jinsabu jinżammu ostaġġi, inkluż Cécile Kohler u Jacques Paris, ikunu wkoll meħlusa.
Grondeau kien arrestat mill-awtoritajiet Iranjani f’Ottubru 2022 fil-belt ta’ Shiraz. Għalkemm id-dettalji ta’ x’wassal għal dan l-arrest qatt ma kienu ċari, dan l-arrest wasal wara l-mewt ta’ Mahsa Amini, żagħżugħa ta’ 22 sena li kienet arrestata għax ma libsitx il-hijab fejn l-investigaturi tal-Ġnus Magħquda aktar tard attribwew il-vjolenza fiżika li kkaġunat il-mewt tagħha għall-Iran, ħaġa li skattat xhur ta’ protesti u dimostrazzjonijiet imdemmija fil-pajjiż.
Grondeau, waqt telefonata li ġiet imxandra fil-bidu ta’ Jannar fuq midja Franċiża, kien qal li ħafna mill-mistoqsijiet kienu jekk ħax sehem waqt id-dimostrazzjonijiet, ma min kellu kuntatt u akkużi li ma kienx fil-pajjiż bħala turist. Huwa qal li kien hemm ġranet fejn kien jaħseb li se jitilquh u oħrajn li kien se jmut hemm ġew. Mistoqsi jekk kienx immaltrattat, Grondeau qal li mhux se jsibu marki fuq ġismu għax min kien qed iżommu ma kienx stupidu.
Aktar tard Qorti fl-Iran issentenzjat lil Grondeau għal ħames snin ħabs fuq akkużi ta’ spjunaġġ, liema akkużi kienu miċħuda minnu, familtu u l-Gvern Franċiż.
Grondeau, li kien vjaġġatur li jdur id-dinja bil-backpack, kien qed jinżamm fil-ħabs ta’ Evin magħruf li fih jinżammu priġunieri mill-Punent, dawk ta’ nazzjonalità doppja u priġunieri politiċi li l-Iran jużahom biex jinnegozja mal-Punent.