L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni se jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku nhar il-15 ta’ Mejju wara xhur magħluq biex isiru xogħlijiet ta’ konservazzjoni.
Ix-xogħlijiet fl-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni mhux biss se jtejbu s-sistema tal-immaniġġjar tal-ambjent fis-sit iżda wkoll il-faċilitajiet għall-viżitaturi. Il-proġett kien possibbli wara għotja mill-Iżlanda, Liechtenstein u n-Norveġja taħt il-Fondi taż-Żona Ekonomika Ewropea 2009-2014.
Il-biljetti jistgħu jinkisbu jew online , jew inkella jistgħu jinxtraw mill-Forti Sant’Iermu jew mill-Mużew tal-Arkeoloġija ta’ Għawdex.
Il-ħinijiet tal-ftuħ tas-sit tal-Ipoġew se jibqgħu jsiru kull siegħa bejn id-9:00 u l-16:00. Grazzi għall-iżviluppi teknoloġiċi, il-viżitaturi li ma jkunux laħqu xtraw biljett, xorta se jkollhom l-opportunità jesperjenzaw dan is-sit uniku permezz ta’ esperjenza awdjo viżiva ġdida fiċ-ċentru ta’ interpretazzjoni. Se jkun hemm 70 biljett kuljum għal din l-esperjenza, li jistgħu jinxtraw mill-istess website.