Fl-aħħar jiem toroq ewlenin fir-Rabat ħadu dehra mhux tas-soltu wara li l-komunità Pawlina naxret bosta ħwejjeġ li rnexxielha toħroġ minn għexieren ta’ gwardarobbi ta’ Rabtin li kienu ilhom is-snin ma jaraw id-dawl tax-xemx. Dan bħala parti mill-attività Napule li se tittella’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għandha li tqarreb il-kultura Maltija ma’ dik Naplitana.
Keith Scicluna, wieħed mill-organizzaturi qal li apparti l-ikel, iz-zuntier u t-triq ewlenija tar-Rabat se żżejjnet bil-ħwejjeġ minxurin f’nofs ta’ triq hekk kif isir f’Napli. Żied li bħal kull attività oħra ma naqsitx ukoll il-kontroversja.
Fl-aħħar jiem diversi Naplitani waslu f’Malta biex f’dan l-ambjent tipiku Naplitan, idewqu lill-Maltin l-ikel tipiku tagħhom fosthom l-għaġin, il-pizza u z-zalzett.Fost l-attrazzjonijiet ewlenin fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali se jkun hemm erba’ fran tal-ħatab li se jsajru l-Pizza tipika Naplitana minn Enrico u Maurizio, żewġ pizzara Naplitani ta’ ħila kbira.
Huma għadhom kif kisru rekord ta’ aktar minn għaxart elef pizza f’maratona ta’ sittax il-siegħa, li hi rikkonoxuta bħala wirt dinji tal-UNESCO.
Iżda apparti l-Pizza Naplitana f’din l-attivita’ mistenni jkun hemm iżjed ikel tipiku ta’ din il-Belt fin-naħa t’isfel tal-Italja kif jgħid il-Kap tal-Iskola tat-Tisjir Luigi Sciopi.
Il-Kok Naplitan Antonio Del Sole qal ukoll li fl-attivita’ se jkun hemm ukoll għaġin u platti oħra tipiċi Naplitani,
L-ispettaklu se jkun mifrux ukoll fil-Pjazza Prinċipali tar-Rabat u se jiġi offrut servizz ta’ Park and Ride minn taħt l-Imdina.