Ir-riżultati tal-aħħar edizzjoni tal-Indiċi tas-Sentiment tal-Investitur Lokali, ikkummissjonat mill-kumpanija tal-immaniġġjar tal-assi BOV Asset Management, juri li l-investituri Maltin għadhom jippreferu b’mod ċar l-investiment lokali.
Fl-istess waqt, l-investituri Maltin jippreferu jaġixxu b’mod ibbilanċjat milli b’mod konservattiv jew aggressiv.
L-indiċi, li issa jinsab fis-sitt sena tiegħu u sar parti integrali mill-offerta tas-servizzi finanzjarji tal-BOV Group, jagħti ħarsa aħjar lejn x’inhuma l-preferenzi ewlenin tal-investituri lokali. Dan jagħmilha ferm aktar faċli meta bank ikun qed jipprepara prodotti ta’ investiment ibbażati fuq il-bżonnijiet tal-investituri. L-indiċi żviluppa wkoll f’għodda importanti biex dawk kollha li għandhom interess fis-servizzi finanzjarji jifhmu aħjar is-sitwazzjoni fis-suq.
Ir-riċerka, li saret mill-kumpanija Misco International, hija bbażata fuq ir-risposti ta’ aktar minn 600 investitur minn madwar Malta u Għawdex.
Il-Bank ħabbar li, mill-aħħar indiċi, li kien sar fl-2021, kien hemm xi bidliet ewlenin. Dawn il-bidliet juru li n-numru ta’ dawk li għandhom pjan ta’ pensjoni personali u li għandhom investimenti fi proprjetà qed ikompli jiżdied, filwaqt li n-numru ta’ investituri li għandhom investiment fl-ishma qed jonqos. Jidher ukoll li l-investituri lokali qed ifittxu aktar l-intermedjarji finanzjarji meta jiġu biex jinvestu.
Il-Head Business Development and Support Wealth Managament tal-Bank of Valletta, Mark Vella, qal li dan l-aħħar stħarriġ juri żieda fil-fiduċja tal-investitur lokali.