F’dawn l-aħħar snin sar investiment fis-servizz pubbliku b’finanzjament ta’ €150 miljun kemm fl-Arkivji Nazzjonali u anke fid-Dwana. Dan wassal biex inqabdu sustanzi u affarijiet illeċiti.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar fi żjara li għamel fl-Arkivji Nazzjonali u f’sezzjonijiet tad-Dwana bħala parti mill-ġimgħa għas-servizz pubbliku.
Fl-Arkivji Nazzjonali s-Sur Cutajar ġie spjegat kif id-dokumenti jiġu kkonservati u kkatalogati sabiex ikunu aċċessibbli għall-pubbliku. Waqt din iż-żjara ngħatat informazzjoni wkoll fuq proġetti importanti li qed isiru, fosthom dak bl-isem ta’ Memorja.
Min-naħa tiegħu s-Sur Cutajar qal li l-Arkivji Nazzjonali hu parti mill-proġett li qed isir sabiex is-servizz pubbliku jkun aċċessibbli online. Dan billi d-dokument li hemm f’dak l-arkivju jsiru aċċessibbli elettronikament. Huwa semma wkoll il-pjanijiet li hemm sabiex tinbena binja ġdida f’Ta’ Qali ħalli jkun hemm aktar spazju għall-Arkivji Nazzjonali.
Fid-Dwana s-Sur Cutajar iltaqa’ mall-ħaddiema fejn assista għall-proċess ta’ scanning. Huwa żar ukoll id-dipartiment tal-klieb.
Is-Sur Cutajar kellu kliem ta’ tifħir kemm għall-ħaddiema u anke għall-klieb li jagħmlu xogħol siewi fid-Dwana.
L-attivitajiet kollha li qed isiru fil-ġimgħa għas-servizz pubbliku qed ikunu mxandra direttament fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Servizz Pubbliku.