Waqt li l-Gvern hu impenjat li jkompli jinvesti fl-Isptar Mater Dei u fil-ħaddiema tiegħu, biex il-pazjenti jiġu pprovduti dejjem bl-aqwa servizz mediku, il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela semma kif l-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed tostakola li jkun hemm titjib fil-proċess li jridu jgħaddu minnu pazjenti li jirrikorru fl-Emerġenza.
Il-Ministru qal dan waqt li t-Tlieta waranofsinhar kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet b’rabta mal-każ ta’ Stephen Mangion, li miet fl-Emerġenza nhar is-27 t’Awwissu li għadda, u l-pubblikazzjoni tal-inkjesta maġisterjali sussegwenti ftit qabel.
Ir-rapport ta’ 500 paġna mill-Maġistrat Joe MIfsud ikkonkluda li ħadd mill-istaff mediku, li ra lil Mangion kemm fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, fejn irrikorra l-ewwel, kif ukoll fl-Emerġenza, ma naqas fid-dmirijiet tiegħu jew b’xi mod traskurat kien responsabbli għall-mewt tiegħu. Għaldaqstant ġie konkluż li mhemmx proċeduri kriminali li jridu jittieħdu.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Abela semma kif fl-istess ġurnata bdew ħidmiethom 40 infermier ġdid mad-Dipartiment tal-Emerġenza, waqt li se jiżdiedu numru ta’ tobba wkoll fiż-żmien li ġej, bħala parti mill-ħidma tal-Ministeru biex xorta jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija.
“Nista’ ngħid illum iltqajt ma’ 101 nurses ġodda li ġew jaħdmu Mater Dei u kif qed jgħid is-Segretarju Permanenti hekk nista’ ngħidlek fiċ-ċar li 40 minnhom ħa jmorru jaħdmu l-Emerġenza.”
Il-Ministru semma li l-pjan tal-Gvern jinkludi wkoll li pazjent, mal-wasla tiegħu fl-Emerġenza, jiġi eżaminat minn konsulent mediku mill-ewwel, flok l-ewwel jiġi assessjat minn infermieri.
“Il-Ministeru ’l hemmhekk jimbotta. Aħna rridu li kull min jidħol l-Emerġenza, speċjalment dawk li jkunu ESI 1 u 2, l-aktar urġenti. Aħna rridu li dak jarahom mill-ewwel, jiġifieri at real stage, jarahom a decision-maker.”
Minkejja dan, il-Ministru kien ċar dwar l-oġġezzjonijiet li qegħda tagħmel il-MAM, anke jekk il-Gvern lest li jħallas iżjed għal dan is-servizz.
“Jien ili ngħajjat biha min Jannar. Issa l-proċess miexi bil-mod. Għaliex miexi bil-mod? Għax ikun hemm reżistenza. Għax hemm reżistenza? Ir-reżistenza kienet mill-MAM. Issa ilna nduru mal-lewża, imma kif qal il-maġistrat issa wasal il-ħin li ngħidu l-affarijiet eżatt kif inhuma. Lesti li nħallsu għal dan is-servizz extra? Iva, l-ewwel kelma tiegħi kien ara xi jridu iżjed u jieħduh.”
Sadanittant, fl-editorjal tagħha, il-gazzetta MaltaToday qalet li l-MAM għandha kull dritt li tiddefendi l-membri tagħha, iżda ma tistax tibqa’ twebbes rasha u tkun ta’ ostaklu għall-Gvern, għax, fl-aħħar mill-aħħar, huma l-pazjenti li jbatu l-konsegwenzi.
Il-gazzetta tenniet li l-MAM trid tagħti l-kontribut tagħha wkoll meta l-Gvern jiddeċiedi li jintroduċi proċeduri ġodda fl-Emerġenza biex jassigura servizzi aħjar. Qalet li, wara kollox, tali proċeduri proposti ġew adottati f’pajjiżi oħrajn.
Għaldaqstant ħeġġet lill-assoċjazzjoni biex ma tkomplix tkun diffiċli u tagħmel il-ħajja tal-pazjenti aktar miżerabbli.
Min-naħa tagħha, fi stqarrija kmieni l-Erbgħa filgħodu, il-MAM, waqt li ma semmietx tali oġġezzjonijiet li għandha, ipprovat tgħatti xturha billi titfa’ l-ħtija fuq il-Gvern u, bl-istess retorika li tuża l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, irreferiet għal dawk li ddeskriviet bħala fallimenti amministrattivi.
Sadanittant, fi stqarrija l-Ministeru għas-Saħħa ċaħad kategorikament it-talbiet li saru mill-MAM illum. Għall-kuntrarju, fl-attività għall-istampa tal-bieraħ, il-Ministru Jo Etienne Abela kien inekwivoku fl-appoġġ tiegħu lill-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa u l-kundanna ta’ “fake news” li jattakkaw lis-Servizzi tas-Saħħa.
Il-Ministeru nnota li rappreżentanti tal-MAM qed jippersistu fl-attitudni ta’ konfrontazzjoni u negattiva li adottaw tul dawn l-aħħar 6 xhur.
Barra minn hekk, qed jissuġġerixxu b’fattin mgħawwġa li Inkjesta Ministerjali li twaqqfet bil-liġi biex tiskrutinizza t-taqsimiet tal-kura, b’xi mod qed timmina l-professjoni medika.
Għalhekk, fl-ispirtu espress mill-konklużjonijiet ippubblikati reċentement tal-inkjesta maġisterjali, wasal iż-żmien li t-tobba, il-pazjenti u s-soċjetà inġenerali jsiru konxji tal-pożizzjoni li l-MAM adottat b’mod persistenti fid-diskussjonijiet MAM-Gvern.
Din il-pożizzjoni laħqet livelli li qed jaffettwaw it-trasformazzjoni tas-Servizzi tal-Kura tas-Saħħa u l-aspettattivi tas-soċjetà dwar il-kura lill-pazjent.