Il-koperazzjoni ekonomika li se twassal għal aktar oportunitajiet kienet fil-qalba tad-diskussjonijiet bilaterali bejn il-Prim Ministru Malti Dr. Joseph Muscat u dak tal-Montenegro Duško Marković.
“L-ewwel investiment tal-Enemalta barra l-pajjiż huwa vot b’saħħtu ta’ fiduċja fil-Montenegro”, saħaq Dr. Muscat.
Il-Prim Ministru ta’ Malta qal li l-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi m’għandiex tieqaf fuq il-proġett tat-turbini tar-riħ iżda tista’ tikber u tissaħħaħ f’oqsma kruċjali permezz ta’ ideat innovattivi.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru tal-Montenegro qal li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jaħdmu iktar id f’id mhux biss fis-settur tal-enerġija iżda anki f’oqsma oħra bħat-turiżmu, is-saħħa u l-kultura.
Huwa rringrazzja lil Malta li qed tappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Montenegro li jixtieq jissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
F’dan il-kuntest Dr. Joseph Muscat qal li l-attitudni tal-Gvern tal-Montenegro hija waħda tajba li tistenna għall-evalwazzjoni teknika tal-Kummissjoni Ewropea.
Huwa qal li l-Montenegro għandu jibqa’ jagħmel it-tibdiliet pożittivi meħtieġa u fakkar kif f’summit għall-mexxejja Ewropej huwa kritika lill-Unjoni Ewropea li qalet li jeħtieġ iżjed żmien biex ikun hemm diskussjoni dwar il-ftuħ ta’ negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija dwar is-sħubija tagħhom fl-Unjoni Ewropea.
Dr Muscat esprima d-diżappunt tiegħu għal dan u qal li l-Ewropa tista’ titlef il-kredibilità tagħha meta jeħtieġilha aktar minn qatt qabel li tiftaħ djalogu ma’ pajjiżi ġejjin minn reġjun daqshekk sensittiv bħalma huwa l-Balkani.
Fis-sigħat li ġejjin il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi se jinawgura l-investiment tal-Enemalta li jinvolvi proġett tat-turbini tar-riħ fil-Montenegro.
Jakkumpanjaw lil Prim Ministru hemm ukoll il-Ministri Carmelo Abela u Konrad Mizzi.