Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-investiment tal-Gvern fuq il-benefiċċji soċjali żdied b’aktar minn mija u għoxrin miljun ewro. Dan joħroġ minn pubblikazzjoni ġdida tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Bejn Jannar u Settembru li għadda, l-investiment totali f’dan is-settur kien ta’ aktar minn biljun u mitt miljun ewro.
Skont l-NSO ħareġ li l-infiq tal-Gvern fuq il-benefiċċji kontributorji kien ta’ aktar minn tmien mija u sebgħin miljun ewro. L-aktar benefiċċju li ra żieda f’dan il-perjodu kien dak tal-Pensjonijiet tal-Irtirar, b’żieda ta’ aktar minn elfejn u mitt persuna li bdew jieħduhom.
Aktar tkabbir kien irreġistrat fil-bonus lill-pensjonijiet tar-romol.
Miċ-ċifri tal-NSO ħareġ li, f’dan il-perjodu, il-Gvern ħallas kważi mitejn, disgħa u għoxrin miljun ewro f’benefiċċji mhux kontributorji, bl-investiment jiżdied b’aktar minn għoxrin fil-mija fuq is-sena l-oħra.
Jirriżulta wkoll li ż-żieda kienet fiċ-Children’s Allowance u l-Benefiċċju Addizzjonali tal-Għoli tal-Ħajja, li kien mifrux fuq iżjed faxex tas-soċjetà, tant li mad-99,000 persuna bbenefikaw minnu.