Fl-istess ġimgħa li fiha tnieda l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li Malta qatt innegozjat mal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela għamel aċċenn għall-investiment fil-pajjiż, li qed jissarraf f’investiment fin-nies.
Waqt id-diskors tiegħu f’Birkirkara,Dr Abela spjega li dan il-pakkett ġie nnegozjat fl-elfejn u għoxrin u fakkar li matul dawn in-negozjati l-Oppożizzjoni ppruvat tiżra’ d-dubji.
Minkejja dan, il-gvern Laburista rnexxielu jikseb somma ta’ €2.2 biljun, li tammonta għal iktar mid-doppju ta’ dak li kien innegozja gvern Nazzjonalista fl-elfejn u tnax.
Dr Abela irrefera għall-kummenti li kien għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech meta qal li l-prezz lokali tal-enerġija għandu jirrifletti dak tas-suq internazzjonali.
“Dik hija differenza fundamentali oħra bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Huma kienu forsi jaslu biss fis-sena tal-elezzjoni, imbagħad tgħaddi l-elezzjoni u nafu x’kienu jagħmlu l-għada – jissikkaw iċ-ċintorin. Aħna naslu dejjem, irrespettivament minn meta hija l-elezzjoni; aħna naslu ta’ kuljum.”
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għall-messaġġ sabiħ li qala’ pajjiżna mingħand il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, li qalet, “Ibqa’ sejra hekk Malta!”. Dan qalitu fid-dawl ta’ diversi riformi li għamel pajjiżna f’diversi oqsma.
Dawn ir-riformi ntlaqgħu b’tifħir minn awtoritajiet u istituzzjonijiet internazzjonali iżda sabu t-tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni. Dr Abela qal li tal-Partit Nazzjonalista għandhom spirtu antiriformista u ddejjaqhom il-bidla għax komdi huma, komdu kulħadd.
Minkejja dan, il-bidla hija importanti biex pajjiżna jibqa’ miexi fuq kull livell.
“Il-pajjiż progress irid, il-pajjiż riformi jrid. Meta, nhar il-Ġimgħa, konna għall-avveniment tant importanti tal-Kamra tal-Kummerċ – ċelebrazzjoni tal-mija u ħamsa u sebgħin anniversarju tagħhom – hemmhekk tkellimt ma’ diversi persuni li ħadd minnhom ma jgħidlek li l-pajjiż m’għandux bżonn bidla. Anzi, kollha jkellmuk dwar iktar riformi, dwar iktar bidliet. Kollha jersqu quddiemek b’ideat innovattivi.”
Dr Abela għamel referenza wkoll għas-settur tal-gaming, u qal li matul dawn l-aħħar tliet snin, kull ġimgħatejn żdiedet kumpanija ġdida biex illum hemm aktar minn għaxart elef persuna jaħdmu f’dan is-settur.
Saħaq ukoll li l-investituri barranin jibqgħu jagħżlu lill-pajjiżna għas-serenità u ambjent soċjali trankwill li jaf joffri.
“Meta ftit tax-xhur ilu, konna f’Dar il-Mediterran, f’waħda mill-akbar konferenzi, il-konferenza staqsiet lill-investituri, qaltilhom, ‘Għaliex tagħżlu Malta biex tinvestu fiha?’. Isemmu l-ambjent soċjali trankwill bħala raġuni ewlenija għala l-għażla tagħhom minn diversi pajjiżi illi fihom jistgħu jinvestu, l-għażla finali tagħhom tkun Malta.”
Il-Mexxej Laburista qal li dawn l-iżviluppi jwasslu għal riżultati ekonomiċi sbieħ fosthom rata minima storika ta’ qgħad. Il-ħolqien tax-xogħol, li sa ftit snin ilu kien pjaga għal dan il-pajjiż, issa se jibqa’ wieħed mill-aqwa legati ta’ gvern Laburista.