Filwaqt li ta fatti u figuri li jixhdu l-investiment sostanzjali li wettaq il-Gvern fil-qasam tal-Ġustizzja, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li dan għadu biss il-bidu tal-pjan ħolistiku ta’ riformi b’saħħithom li hemm ippjanati għal dan is-settur.
Meta kien qed jitkellem fil-Parlament waqt id-diskussjoni dwar il-miżuri tal-estimi tal-Budget għal din is-sena, il-Ministru Attard irrimarka li, jekk kien hemm gvern li ħadem bil-fatti biex isaħħaħ l-indipendenza tal-Ġudikatura, kien il-gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela – Gvern li lill-korp tal-ġudikatura tah il-poter li jagħżel lilu nnifsu u li jiddixxiplina lilu nnifsu.
Meta rrefera għal kritika dwar dewmien fil-proċeduri tal-Qorti, saħaq li m’għandiex nippuntaw subgħajna lejn sors wieħed tal-problema u m’għandna niżolaw lil ebda settur fil-kritika tagħna.
“Jiena nifhem li l-irwol ta’ kwalunkwe Gvern huwa dak illi jipprovdi l-għodod leġiżlattivi neċessarji, riżorsi adegwati, inklużi l-infrastruttura u r-riżorsa umana, inkluż f’dak li għandu x’jaqsam ma’ membri tal-ġudikatura,” qal il-Ministru. “Mela le, ikun hemm każijiet fejn in-nuqqas ta’ riżorsi jwassal għal dewmien. L-istess kif ikun hemm ċirkostanzi fejn il-partijiet jabbużaw. L-istess ukoll kif hemm ġudikanti li ma jittollerawx tali abbużi u jkollhom kontroll sħiħ tal-Awla u oħrajn li jkunu laxki fid-dixxiplina.”
Il-Ministru Attard qal li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jinvesti bla preċedent biex jassigura li l-ġustizzja tkun effettiva u fi żmien raġjonevoli f’kull każ li jkollha quddiemha l-Qorti.
Fakkar li bħalissa pajjiżna għandu l-akbar numru ta’ ġudikanti fl-istorja, b’51 ġudikant – żieda ta’ 24 fil-mija mill-2012 ’l hawn. Kien hemm ukoll żieda ta’ 86 ħaddiem mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, meta mqabbel mal-2012