F’attività politika fiċ-Ċentru Laburista tar-Rabat, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar kif l-investiment fl-ekonomija Maltija jissarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dr Abela tkellem dwar l-investiment li għamlet il-kumpanija Seifert Systems Ltd li mhux biss huwa sostanzjali fis-somma investita iżda wieħed li jħares l-ambjent ukoll.
“Investew f’espansjoniji tal-fabbrika tnax-il miljun ewro biex komplew iżidu l-produzzjoni tagħhom u biex il-produzzjoni tagħhom setgħu qalbuha għal waħda ‘zero carbon’. Jiġifieri filwaqt li żiedu l-produzzjoni għamlu dan bl-inqas impatt possibbli fuq l-ambjent.”
Barra minn hekk, l-istess kumpanija kkomettiet li twettaq investiment ieħor li se jkun qiegħed ilaħħaq disa’ miljun ewro oħra li se joħolqu aktar impjiegi.
Dr Abela qasam ukoll esperjenza differenti fil-Gżira Għawdxija fejn spikkaw l-prinċpji tal-mobbiltà u l-ġustizzja soċjali.
“Nhar il-Ġimgħa ġewwa Għawdex kelli esperjenza verament sabiħa. Żort post tax-xogħol fejn il-maġġoranza tal-workforce hija magħmula minn persuni b’diżabbiltà. X’sodisfazzjon, vera huwa ta’ sodisfazzjon tara b’sinerġija bejn il-privat u l-Gvern li pajjiżna kapaċi ikun daqstant inklussiv.”
Hawnhekk innota kif sa ħames snin ilu għal kull persuna li tirreġistra erba’ jkunu qegħdin jaħdmu, illum pajjiżna għandu għoxrin persuna b’diżabbiltà jkunu qegħdin jaħdmu għal kull persuna li qed tirreġistra għax-xogħol.
Is-suċċess li qiegħed jikseb pajjiżna qiegħed ukoll ikun innotat lil hinn minn xtutna kif fakkar Dr Abela.
“U din il-ġimgħa stess imbagħad kellna l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew is-sinjura Christine Lagarde illi faħħret lil pajjiżna u qalet li għandna rata ta’ tkabbir ekonomiku li hija waħda straordinarja.”
Hawnhekk il-Mexxej Laburista stqarr kif dan it-tkabbir ukoll mistenni li jissarraf f’bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies.
Minkejja li qegħdin jinkisbu r-riżultati, l-Prim Ministru ma qagħdtx lura milli jinnota kif dan jista’ jibqa’ jinkiseb biss jekk jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u jiġu impilmentati riformi ambizzjużi.
Fil-fatt huwa għamel referenza għar-riforma li se tkun qed tidħol fis-seħħ fil-qasam tal-ġustizzja b’rabta mal-kumpilazzjonijiet tax-xhieda u dik li l-konsultazzjoni pubblika dwarha ntemmet ftit ilu b’rabta mal-liċenzjar tal-kuntratturi, bħala żewġ eżempji ta’ riformi ambizzjużi.
Hawnhekk, il-Prim Ministru kkuntrasta l-mod ta’ kif jaħdem il-Gvern immexxi minnu mal-aġir tal-Oppożizzjoni li kuntenta bl-istatus quo u li titlaq ‘il barra mill-Parlament meta ma tgħaddix tagħha.
Dr Abela fakkar li l-Oppożizzjoni għażlet li tagħmel dan meta l-Parlament kien se jiddiskuti materja sensittiva ħafna, dik tal-vjolenza domestika.
Il-Mexxej Laburista spjega wkoll kif mhux talli naqsu milli jagħmlu dmirhom, talli għażlu li jattakkaw personalment lis-Segretarju Parlamentari responsabbli Rebecca Buttigieg.
“Imbagħad l-għada flok ġew u skużaw ruħhom tal-imġieba arroganti ta’ lejliet daħlu fil-kamra, reġgħu bdew jikkustinjaw u lis-Segretarja Parlamentari li qed tixpruna r-riforma, tafu x’qalulha? Qalulha, ‘Ħalib ommha fi snienha’. Bħal li kieku għax żgħażugħa m’hijiex kapaċi tressaq riforma u ġġib il-bidla.”
Għall-kuntrarju ta’ din l-attitudni, il-Prim Ministru sostna kif il-Partit Laburista jibqa’ jkun il-moviment taż-żgħażagħ u se jibqa’ jemmen fil-ħiliet tagħhom.