F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, l-imsieħba soċjali flimkien mal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u ċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb iddiskutew b’mod wiesa’ l-viżjoni tal-Gvern u l-investiment kontinwu li għaddej fil-qasam tal-enerġija u tal-ilma f’pajjiżna.
Fi preżentazzjonijiet mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia, u l-Inġinier Etienne Lewis milll-Enemalta, ingħataw dettalji dwar l-investiment kontinwu fil-qasam tal-ilma u x-xogħol intensiv li għaddej fin-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.
’Il fuq minn mija u għoxrin miljun ewro f’investiment wassal għal qabża storika fil-kwalità tal-ilma f’pajjiżna, u waqt il-laqgħa l-imsieħba soċjali setgħu jipparteċipaw fl-inizjattiva li tippromwovi l-ilma tal-vit hekk kif fuq il-mejda kellhom fliexken tal-istess ilma. Waqt l-istess preżentazzjoni, ingħata aġġornament dwar il-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment ta’ €310 miljun għall-10 snin li ġejjin, kif ukoll dwar il-green bonds u l-proġetti sostenibbli. Ġie spjegat ukoll kif il-Korporazzjoni qed taħdem biex ittejjeb il-kwalità u s-sigurtà tal-ilma, filwaqt li ssaħħaħ l-infrastruttura.
Min-naħa ta’ Enemalta ġie spjegat kif il-kumpanija qiegħda tkompli bit-tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni kif kien diġà preżentat f’laqgħat preċedenti mal-imsieħba soċjali, fejn gie preżentat pjan biex kif għamlet fis-sena 2024, fejn poġġiet 82 kilometri ta’ cables, għaddejja bit-tisħiħ permezz ta’ 60 kilometri oħra ta’ cables ġodda taħt l-art. F’din il-laqgħa wkoll ġie mniedi proġett finanzjat minn fondi Ewropej ta’ 15-il kilometru ta’ cables ġodda oħra f’Birkirkara, Marsaskala u l-Imġarr Malta. Ġie spjegat kif ix-xogħol fuq iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni fl-Imsida ser ikun qiegħed tinbidillu l-infrastruttura biex tiġi rduppjata l-kapaċità, estensjoni fuq iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni ta’ St Andrews u l-Mosta kif ukoll bdew xogħlijiet biex jiġu kkummisjonati żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi.
“F’dinja fejn qed naraw l-isfidi geopolitiċi jikbru, b’theddid kontinwu fuq l-ekonomija dinjija, huwa ferm importanti aktar minn qabel li nkomplu ninvestu fis-sostenibilità; f’pajjiż aktar reżiljenti. F’pajjiż li joffri flessibilità. Ix-xogħol li qed jagħmlu dawn iż-żewġ entitajiet iħares propju lejn dan: il-flessibilità li timxi id f’id mas-sostenibilità, mibnija fuq ir-reżiljenza. Ħidma li narawha f’aspetti differenti,” qalet il-Ministru Dr Miriam Dalli.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Dr Andy Ellul iddeskriva din il-konsultazzjoni bħala waħda li qiegħda ssaħħaħ il-pjan nazzjonali għas-sostenibbilità tas-settur tal-ilma f’pajjiżna, immirat li jagħti s-serħan il-moħħ lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom fil-provvista sikura tal-ilma. Sostna li bl-installazzjoni ta’ cables ġodda taħt l-art, il-Gvern se jkun qed jagħti s-serħan il-moħħ ukoll dwar il-provvista stabbli tad-dawl.
“Dawn huma investimenti strateġiċi kruċjali fl-infrastruttura ta’ pajjiżna, biex in-negozji u l-ħaddiema jibqgħu jaħdmu bl-aktar mod effiċjenti,” saħaq Dr Ellul. Dawn id-deċiżjonijiet jikkumplimentaw deċiżjonijiet politiċi oħra li ħa l-Gvern, ewlenin fosthom l-istabbilità fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma li assiguraw ħajja prevedibbli u sostenibbli għan-negozji u l-ħaddiema.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali jibqa’ dak il-pjattaforma li ser jibqa’ jikkontribwixxi għas-sostenibilità tal-ekonomija ta’ pajjiżna u l-poplu tiegħu.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, laqa’ l-fatt li għall-ħames darba, il-Ministru Miriam Dalli għażlet li taġġorna u tikkonsulta direttament lill-Kunsill dwar ir-rinforz kontinwu tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna. Din il-laqgħa kienet ukoll opportunità ċara fejn l-imsieħba soċjali setgħu jesprimu l-fehmiet u l-kummenti tagħhom fuq dawn l-iżviluppi kruċjali għall-pajjiż kollu.
Matul din il-laqgħa, Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) indirizzat ukoll lill-MCESD dwar it-titjib fid-distribuzzjoni tal-ilma u s-sistema tad-drenaġġ. L-imsieħba soċjali kellhom l-opportunità jiddiskutu wkoll l-inizjattiva “Ilma tal-Vit”, fejn wara li ġew ippreżentati b’samples biex jixorbu dan l-ilma, esprimew il-fehmiet tagħhom favur dan il-progress. Huma enfasizzaw kemm din l-inizjattiva tista’ tnaqqas id-dipendenza fuq il-fliexken tal-plastik u tgħin biex Malta timxi ’l quddiem lejn futur aktar sostenibbli – viżjoni li l-MCESD jissieħeb bis-sħiħ fiha