Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, faħħar il-miżuri tal-Budget għas-sena d-dieħla. Fir-reazzjoni tiegħu, Tony Zahra qal li l-ikbar tħassib tal-Assoċjazzjoni kienu l-kontijiet tal-enerġija minħabba dak li qed jiġri madwar id-dinja kollha. Madanakollu, innota b’sodisfazzjon li l-Ministru għall-Finanzi qal li l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma mhux se jiżdiedu.
“Il-Ministru tal-Finanzi llum qalilna li l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma mhumiex se jitilgħu, l-enerġija se tibqa’ kif inhi bħalissa, u dan kien inkwiet kbir għalina għax meta rajna x’ġara f’pajjiżi oħra fejn jidħol l-enerġija, ikkunsidrajna li jekk jiġri hekk hawn Malta, ikollna problemi serji fejn l-għoli tal-ħajja tfisser li jkun hemm ukoll iktar għoli fejn jidħol il-COLA. Il-COLA hija dik li hi, għaxar ewro. Jista’ jkun li kieku għoliet l-enerġija, il-COLA kienet togħla iktar. Aħna li għandna, kollha għandna daqsxejn ta’ dubji fuq tal-Air Malta. L-Air Malta trid tibqa’ hemmhekk, importantissima għalina. Il-konnettività trid tibqa’ għaddejja u dik hija importanti. Iddejjaqna wkoll li kien hemm nuqqas ta’ investiment fejn jidħol il-prodott, però napprezzaw li l-investiment li qed isir fl-enerġija. Jista’ jkun li kellu effett fuq dan in-nuqqas ta’ investiment fil-prodott.”