L-investiment qawwi fit-teknoloġija li sar f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll il-qabża kbira fil-fiduċja tal-pubbliku fis-servizzi governattivi, qed jirriflettu ruħhom ukoll fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fl-ewwel żewġ żjarat fi ħdan il-Forzi Armati u l-Korp tal-Pulizija li huma parti minn sensiela li għamel f’postijiet tax-xogħol differenti bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020.
Matul dawn iż-żjarat, ġew diskussi metodi kif ikun hemm koperazzjoni akbar u aktar strutturata bejn l-Armata u l-Korp tal-Pulizija kif ukoll għajnuna liż-żewġ korpi dixxiplinati mill-amministrazzjoni pubblika ċentrali biex jitjieb l-operat u jingħata servizz aħjar lill-poplu.
Fiż-żjara lill-Forzi Armati, is-Segretarju Permanenti Ewlieni ntlaqa’ mill-Brigadier Jeffrey Curmi, li spjega l-investiment qawwi li sar f’dawn l-aħħar snin biex il-Forzi Armati jkunu mgħammra b’apparat state-of-the-art. Huwa ltaqa’ mas-suldati li jaħdmu fuq il-baħar, li spjegaw li meta jkunu fuq il-baħar jiltaqgħu ma’ ħafna ċirkustanzi differenti u ġieli perikolużi.
Is-Sur Cutajar iltaqa’ wkoll ma’ studenti tal-MCAST li qed jitħarrġu f’taqsimiet differenti tal-Forzi Armati f’diversi snajja’ kif ukoll fl-inġinerija. Huwa nnota li anke hawnhekk, is-Servizz Pubbliku se jkun qed joffri l-karriera li dawn iż-żgħażagħ tant jixtiequ.
Dan filwaqt li fi żjara li għamel is-Segretarju Permanenti lill-Korp tal-Pulizija, is-Sur Cutajar kien milqugħ u akkumpanjat mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Fl-Imtarfa, f’uffiċċju ġdid minn fejn se jitħaddem il-community policing fiż-żona, is-Sur Cutajar innota li bl-istess mod li s-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar snin qarreb is-servizzi tiegħu lejn iċ-ċittadini fil-komunità, hekk ukoll permezz tal-community policing huma l-pulizija li jmorru qalb in-nies u jwettqu ħidma ta’ prevenzjoni u edukazzjoni.
Is-Sur Cutajar żar ukoll il-faċilitajiet f’Ta’ Kandja għat-Taqsima ta’ Interventi Speċjali, fejn il-membri taw dimostrazzjoni prattika tal-ħidma tagħhom billi ħadu sehem f’simulazzjonijiet. Hawnhekk ħarġet l-importanza ta’ taħriġ kontinwu, fid-dawl tal-fatt li l-membri ta’ din it-taqsima huma mistennija jieħdu deċiżjonijiet ta’ ħajja jew mewt fi żmien qasir.
Il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2020 tibqa’ għaddejja sal-Ġimgħa 25 ta’ Settembru, bit-tema ‘Servizz Pubbliku Dejjem Miegħek’.