L-investiment fis-saħħa primarja huwa kruċjali għal komunitajiet iktar b’saħħithom u għalhekk il-Gvern se jibqa’ jinvesti f’ċentri tas-saħħa iktar moderni, b’iktar riżorsi u b’ħaddiema b’kundizzjonijiet aħjar.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela, waqt żjara fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara, akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.
Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru seta’ jara kif iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara ġie mmodernizzat wara li f’Lulju tlesta proġett ta’ rinnovazzjoni b’investiment ta’ €1.1 miljun mill-Fondi Soċjali Nazzjonali għall-Iżvilupp.
F’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa mhux biss jingħata servizz ġenerali ta’ kura primarja, iżda jingħata wkoll servizz lill-pazjenti li jagħmlu użu miċ-ċentru speċjalizzat tal-podjatrija.
Iċ-ċentru huwa mgħammar ukoll b’maħżen li jissuplixxi apparat mediku liċ-ċentri tas-saħħa kollha mifruxa madwar Malta.
Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ mhux biss mal-professjonisti, l-infermiera u l-ħaddiema kollha li jagħmlu parti minn dan iċ-ċentru, iżda sema’ minn pazjenti stess xi jsarraf investiment kontinwu bħal dan għal saħħithom. Minn dan iċ-ċentru biss igawdu mal-35,000 resident mill-akkwati ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija.
Il-Prim Ministru tenna kif l-investiment fil-qalba tal-komunità fis-setturi diversi huwa kruċjali fil-politika tal-Gvern li taħdem għal ġid komuni u Malta iktar ġusta.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ dan iċ-ċentru tax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum b’tant dedikazzjoni u mħabba favur il-pazjent.
Huwa nnota wkoll il-livell ta’ komunikazzjoni professjonali li jaħdmu biha meta jidħol fiċ-ċentru l-pazjent u li permezz tagħha tinbena relazzjoni immedjata u komda bejn l-individwu li jżur iċ-ċentru u l-professjonist li qed joffri s-servizz tiegħu.
Il-programm ta’ modernizzazzjoni u titjib fil-kura tas-saħħa primarja u l-kliniċi fil-komunità huwa appoġġjat mill-għotja ta’ €10 miljun mill-NDSF. Dan juri l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fis-servizzi tal-kura tas-saħħa biex jiżgura li l-pazjenti jkomplu jgawdu mill-aqwa kura possibbl.
Wara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-komunità ta’ Birkirkara billi żar numru ta’ negozji fil-lokalità bħala parti minn sensiela ta’ żjarat kontinwi li fihom il-Prim Ministru jkun fil-komunità Maltija jisma’ l-aspirazzjonijiet u l-ħtiġijiet tan-nies.