Aktar minn 5,000 membru taċ-ċivil u oħrajn li jixtiequ li jsiru parti minnu, qed jipparteċipaw f’262 kors offrut mill-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, li bdew dan ix-xahar. Bejn Ottubru u April, eluf oħra tħarrġu f’aktar minn 1,500 kors li ġie offrut mill-istess Istitut.
Dan ħabbru s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, f’konferenza li saret l-Erbgħa filgħodu bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, li qed issir dil-ġimgħa bit-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’.
Qal, “Hija wkoll abbinata mal-Università u l-MCAST biex anke dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jagħtuna l-impjegati li għandna bżonn, jagħtun l-professjonijiet, jagħtuna d-dixxiplini li għandna bżonn biex intejbu s-Servizz Pubbliku”
Il-Konferenza tal-lum kienet titratta s-suġġett tal-investiment fin-nies. It-teknoloġija u s-servizz huma ż-żewġ elementi oħra li qed jiffromaw l-istrateġija għall-ħames snin li ġejjin.
Cutajar spjega li l-irwol tas-servizz pubbliku huwa li mhux biss jilħaq, iżda wkoll jaqbeż, l-aspettattivi tal-klijent.
Qal, “L-istrateġija hija bbażata fuq dawn it-tliet elementi, mela allura meta għandek in-nies u s-servizz, qed tħares lejn in-nies u lejn il-klijent, lejn lil min qed tagħti s-servizz. Mela allura l-qofol, żewġ terzi tal-istrateġija, żewġ terzi mill-45 miżura li għandna, jikkonċentraw fuq in-nies.”
Il-Kap taċ-Ċivil qal li, b’differenza għal dak li kien jiġri fil-passat, is-Servizz Pubbliku issa qed janalizza x-xogħol b’mod kontinwu.
Qal, “Diġà tajna prova li kapaċi naslu fejn irridu naslu. Fis-snin li għaddew, meta konna qegħdin inġeddu s-Servizz Pubbliku, biddilna s-servizz mill-qiegħ. Biddilna l-mod kif nagħtu s-servizz, u dawk huwa r-rieda u d-determinazzjoni li s-Servizz Pubbliku għandu meta jitħalla jaħdem biex iwassal is-servizzi kif għandu jwassalhom.”
Intant, Mario Cutajar żar iċ-Ċentru Servizz Familja, fejn fakkar li dan iċ-ċentru, li hu l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, se jservi wkoll ta’ proġett pilota biex il-proċess segwit minnu sussegwentament jiġi adottat ukoll mit-23 ċentru reġjonali ta’ servizz.gov fil-komunità.