Iż-żieda fl-għajnuna soċjali li jagħti l-Istat tixhed ir-ruħ soċjali tal-Gvern Laburista li, minkejja l-isfidi internazzjonali, baqa’ joffri s-sostenn lil min kellu bżonnu.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa filgħodu, il-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali, Michael Falzon, irrifera għall-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wriet li, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, in-nefqa soċjali kienet ta’ €322 miljun.
Huwa nnota li, meta mqabbel mal-istatistika tal-2014 wieħed jinnota żieda ta’ €115-il miljun.
Il-Ministru Michael Falzon innota kif pajjiżna ilu 66 sena jagħti l-għajnuna soċjali, minn meta l-Gvern Laburista tal-Perit Dom Mintoff beda jagħti l-benefiċċji soċjali.
Il-Ministru Falzon qal li, f’dawk li huma benefiċċji kontributorji, kien hemm żieda ta’ 25%. Fir-rigward tal-benefiċċji kontributorji kien hemm investiment ta’ iżjed minn €270 miljun, li kważi €250 miljun minnhom huma għall-pensjonijiet.
Il-Ministru Michael Falzon innota kif dan il-Gvern żied il-pensjonijiet sena wara sena, sa mill-2015. Fakkar li l-Gvern Nazzjonalista, min-naħa l-oħra, ma żiedx il-pensjonijiet għal 22 sena sħaħ.
Il-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali qal li l-investiment fil-pensjonijiet minn Gvern Laburista meta mqabbel ma’ Gvern Nazzjonalista żdied b’€111-il miljun.
Il-Ministru Falzon fakkar ukoll li, apparti din iż-żieda, hemm ukoll l-għotja ta’ kull sena tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Dwar il-benefiċċji mhux kontributorji, il-Ministru Falzon qal li kien hemm żieda f’ċerti benefiċċji li ngħataw, iżda n-nies li jiddependu mill-benefiċċji naqsu bin-nofs matul dawn l-aħħar snin.
Huwa saħaq li l-Gvern jibqa’ impenjat li jibqa’ jkun hemm għan-nies, anki f’mumenti ta’ sfidi internazzjonali.
“Turi d-differenza fil-qasam tal-Gvern, b’mod mill-aktar kristall meta tqabblu ma’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti. Kellek amministrazzjonijiet Nazzjonalisti li ma kinux jgħinu għax kienu jgħidu, ‘dik kollu perċezzjoni’. Aħna konna hemm għan-nies, konna hemm għan-nies u bqajna tan-nies, anki fl-iktar żminijiet diffiċli li qed nesperjenzaw. Li nista’ nassigura hu li hemm se nibqgħu, b’ruħ soċjali qawwija, tal-amministrazzjoni Laburista, li ngħinu lil kulħadd, imma, għaliex le, ngħid jien, dawk li għandhom bżonn l-għajnuna.”