“Kemm xogħol għamilna, kemm riżultati ksibna flimkien magħkom, l-ekonomija Għawdxija ġibniha waħda b’saħħitha li ħolqot ix-xogħol għal kulħadd.”
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela waqt l-attività politika f’Għawdex, fejn iddikjara li s-sena li għaddiet, kienet l-aktar waħda b’saħħitha għal Għawdex u li l-investiment ta’ Gvern Laburista ħalla r-riżultati f’din il-gżira.
“Fl-aħħar tliet snin għand il-Malta Enterprise wasslu 1,700 proġett taħt l-iskema Microinvest. Qed nitkellmu hemmek investiment mill-privat f’Għawdex ta’ aktar minn 18-il miljun ewro. U s-sena li għaddiet kienet l-aktar sena b’saħħitha u kkumplimentajnih dan bħala Gvern bl-aktar spiża kapitali li qatt investejna f’Għawdex €22 miljun.”
Fil-preżenza anke tas-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg, il-Prim Ministru ħabbar li t-Tnejn se tibda t-tieni fażi tal-konsultazzjoni biex jingħata serħan il-moħħ lill-Għawdxin u l-Maltin kollha dwar Ħondoq, darba għal dejjem.
Robert Abela semma wkoll għadd ta’ proġetti li se jitwettqu jew twettqu f’din il-gżira. Fosthom it-tlestija għal kollox fl-aħħar jiem tal-iskola l-ġdida tan-Nadur, id-dħul tal-istudenti fl-iskola medja tar-Rabat u sa Settembru tiftaħ għal kollox, il-park and ride tax-Xewkija bi spazju miftuħ fuqu li jkun lest fix-xhur li ġejjin, iċ-ċentru akwatiku li qabad ritmu tajjeb, u l-ftuħ dalwaqt taċ-ċentru tas-saħħa fil-Qala wara li fl-aħħar ġimgħat infetaħ tar-Rabat Għawdex. Id-dar tal-anzjani t’Għajnsielem wkoll se tibda tintuża fix-xhur li ġejjin filwaqt li l-gvern qed iħares lejn ix-xogħol li jrid jagħmel fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Hawnhekk ma naqasx li jsemmi l-istrateġija tal-Gvern dwar Għawdex.
“Irridu nieħdu ħsieb dawn il-karatteristiċi kollha illi jagħmlu din il-gżira tant unika u sabiħa. Għalhekk il-kelma tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom, hi li Għawdex irrid narah illi jkun il-mudell tal-iżvilupp ekonomiku ġdid li rrid nara għal pajjiżna b’mod ġenerali.”
Robert Abela saħaq li dan il-Gvern dejjem investa u ta importanza kbira lil Għawdex u lill-Għawdxin, u hekk se jibqa’ jagħmel.
“Dak li jfisser Għawdex għalina, xogħol, proġetti, inijzattivi ġodda. Għax aħna l-Għawdxin qatt ma ħadnihom u qatt m’aħna seneħduhom for granted. Għawdex huwa tagħkom. Għaliex aħna l-Gvern tagħhkom qatt mhux se nħallukom waħedkom.”