Uffiċjal ta’ fabbrika li tħaddem bosta nies f’Malta fisser kif l-investiment li għamlet il-kumpanija f’enerġija rinovabbli, wassal għall-kontijiet irħas.
Waqt konferenza dwar l-intrapriżi u s-sostennibiltà ekonomika tagħhom, Olaf Zahra fisser kif investiment li jsir f’operat iktar ħabib tal-ambjent, qed jiffranka l-flus lill-istess negozji.
Qal, “Għamilna azzjonijiet immedjati, fejn jidħlu investimenti f’equipment li huwa ħafna iżjed effiċjenti. Qed inħarsu lejn il-futur ukoll. Qed ninvestu bħalissa wkoll fuq photovoltaic cells, solar panels biex niġġeneraw parti mill-enerġija li nużaw.”
F’din il-konferenza tkellmet il-Ministru għall-Intrapriżi, Miriam Dalli, li saħqet fuq il-koperazzjoni bejn l-industrija u l-Gvern hija importanti ħafna sabiex pajjiżna jilħaq il-mira li sal-elfejn u ħamsin, pajjiżna jkun ħieles mill-karbonju.
Hija qalet li n-negozji f’pajjiżna huma konxji u jridu jagħmlu investimenti favur l-ambjent.
Spjegat, “Imma fir-realtà rridu ninvestu issa għaliex irridu teknoloġija li tirrikkjedi ċertu ammont ta’ investiment u ma nistgħux inħallu sal-aħħar ġurnata. Dan il-pajjiż mixi fuq binarju ta’ sostennibiltà u diġitalizazzjoni u bħala Gvern qegħdin naraw li ninċentivaw lil dawk il-businesses, dik l-industrija, is-self-employed iż-żgħir, l-SMEs li huma interessati li jinvestu.”
Il-Ministru Dalli qalet kif dawn l-investimenti se jwasslu biex jgħinu pajjiżna fil-preżent u mhux biss fil-ġejjieni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia semma kif din qed tgħin l-intrapriżi jinvestu f’miżuri favur l-ambjent, fosthom dik tas-soft loans, li hija skema ta’ self għall-intrapriżi biex jagħmlu investiment sostennibbli.
Farrugia qal li dawn il-miżuri qed jolqtu lill-kumpaniji u jħallu effetti pożittivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji Abigail Mamo faħħru l-investimenti li qed jagħmel il-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u saħqu wkoll fuq l-importanza tas-sostennibilità.
F’din il-konferenza tkellem ukoll id-Direttur tal-Ekonomija Ċirkurali fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, Kestutis Sadauskas, li tkellem dwar l-importanza tal-European Green Deal, li se jkompli jżid l-impjiegi fis-settur tas-servizzi.