Alfred Sant illum fil-Parlament Ewropew ta’ Strasburgu qal li l-aġir politiċizzat ta’ kif il-Parlament Ewropew jinvestiga kwistjonijiet ta’ governanza ixejjen il-kredibilita` u l-leġittimita` tal-investigazzjonijiet ta’ din ix-xorta. Dr Sant qal li investigazzjonijiet simili għal ta’ Malta kienu ippreġudikati għall-aħħar u l-NGOs Maltin kienu magħżula b’mod pariġġjan u minn sfera waħda.
Dr Sant qal dan meta spjega lill-Parlament Ewropew għala ma kienx se jivvota fuq riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-Ungerija fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
“Ma rridx li l-vot tiegħi jagħti l-impressjoni li dan in-nuqqas fundamentali mhux problematiku,” enfasizza l-Ewroparlamentari Malti.
Dr Sant qal li fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija disponibbli, huwa ma jaqbilx ma’ bosta mill-aġir politiku tal-Gvern Ungeriż preżenti minħabba l-orjentazzjoni illiberali u awtoritarji tagħhom.
“Iżda ma nemminx li l-proċeduri addottati minn din il-Kamra biex jiġġudikaw id-deċiżjonijiet governattivi tal-istati membri huma oġġettivi, trasparenti u ġusti. Qed nibbaża dak li qed ngħid fuq tagħrif personali ta’ kif dawn il-proċeduri qed ikunu applikati fil-każ ta’ art twelidi, Malta, fejn il-metodi li qed jiġu wżati mill-membri ta’ dan il-Parlament biex jeżaminaw kwistjonijiet ta’ governanza, huma ippreġudikati għall-aħħar. Dan ġara sal-punt li meta l-hekk imsejħa NGOs jiġu kkonsultati dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż, huma magħżula b’mod partiġġjan u minn sfera waħda.”
L-MEP Malti qal li jekk metodi bħal dawn jiġu adottati fir-rigward ta’ pajjiż partikolari, ma jistax jiġi eskluż li l-istess isir f’każijiet oħra.