L-investigazzjoni għadha għaddejja b’rabta mas-sejba ta’ erba’ ljuni u pantera f’sit fin-Naxxar sakemm ukoll jinstab post aktar adegwat fejn jistgħu jinżammu.
L-annimali eżotiċi qed jiġu mitmugħa, filwaqt li qed jiġu ssorveljati kontinwament mid-Direttorat għar-Regolamenti Veterinarji flimkien mal-Pulizija.
Is-sorveljanza qed issir mhux biss għall-benesseri tal-annimali nfushom, iżda wkoll għall-pubbliku li mhux jitħalla jersaq qrib iż-żona fejn jinsabu.
Sadanittant, f’messaġġ ma’ ONE News, id-Direttorat għar-Regolamenti Veterinarji spjega kif l-iskop ewlieni tagħhom hu li jkomplu jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku, filwaqt li jiżguraw il-benesseri tal-annimali kollha involuti.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, spjegat kif il-Gvern hu kommess li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-annimali, fosthom permezz ta’ emendi fil-liġijiet li, fost l-oħrajn, daħlu fis-seħħ proprju f’Ottubru li għadda.
“Il-Gvern hu kommess li nkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-annimali u anke t-trattament xieraq tagħhom. Fil-fatt daħħalna diversi liġijiet fix-xhur li għaddew proprju f’Ottubru tal-2024, daħħalna liġi ġdida fejn aħna qegħdin insaħħu liġi li tirregola annimali perikolużi fiż-żamma, ut-trasferiment tagħhom ġewwa pajjiżna li llum huwa pprojbit sakemm mhux għal programm ta’ konservazzjoni tal-istess speċi bħall ma jsir f’pajjiżi oħra. Jiena minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil ħaddiema u l-uffiċjali kolla tad-direttorat tal-animal welfare, li qed jaħdmu qatigħ flimkien mal-veterinarji, biex nassiguraw il-benesseri tal-annimali li huma misjuba fin-Naxxar.”
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said