Investigazzjoni tal-Pulizija żvelata mit-Times of Malta b’rabta ma’ rwoli li kellu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, reġgħet żiedet l-inkwiet fi ħdan l-Oppożizzjoni. S’issa l-iktar li ħarġu fid-deher huma l-battibekki jaħarqu bejn uħud fil-Partit Nazzjonalista u ż-żewġ deputati tal-Partit Demokratiku. Iżda, mhumiex uniċi.
Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia talbu lil Delia jirriżenja mill-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Talba li għandha l-appoġġ ta’ xi deputati fil-Partit Nazzjonalista. Għalkemm sa issa ma tkellmux fid-deher. Delia qed ikun akkużat li dak li jrid jgħodd għal ħaddieħor, issa ma jridux jgħodd għalih.
Però, dawk l-iktar qrib tiegħu qed jaqbżu għalih, u spiċċaw jitgħajjru ma’ dawk li sas-sena li għaddiet kienu spalla ma’ spalla magħhom fuq l-istess lista tal-Partit Nazzjonalista. Lil Godfrey Farrugia, Clyde Puli qallu li “huwa biss opportunist inkonsistenti.”
Delia spiċċa attakkat ukoll minn gruppi appoġjati bil-kbir minn Simon Busuttil, David Casa u Jason Azzopardi. Fosthom Occupy Justice u Common Sense, b’dawn tal-aħħar jiktbu li hi aħbar xokkanti, imma forsi mistennija, li hemm investigazzjoni kriminali għaddejja li tinvolvi numru ta’ nies, fosthom Adrian Delia, fuq ħasil ta’ flus ġejjin minn prostituzzjoni f’Londra. Qalu li f’isem il-konsistenza, jistennew li Adrian Delia għandu jagħmel dak li għandu jagħmel, u għandu jimxi ma’ kliemu stess, u jirriżenja minnufih.
Anke l-Occupy Justice qalu l-istess u attakkaw lil Delia, li kien anke mar il-protesti tagħhom, li prova jagħti x’jifhem li għandu xi tip ta’ relazzjoni magħhom. Lil Delia qalulu li m’humiex prostituti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija dwar każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.
Dawn il-kummenti qed iġibu rabja kbira fil-fazzjoni ta’ Delia, għax jafu li meta jitkellmu dawn in-nies, qisu qed jitkellem l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Biex internament id-dwejjaq qed ikompli jikber u Delia spiċċa vittma ta’ kliemu stess.