Il-Prosekuzzjoni u l-Investigaturi b’ rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom jitħallew ikomplu jaħdmu u jagħmlu xogħlhom mingħajr pressjoni żejda jew intimidazzjonijiet oħra minn terzi persuni b’ referenza għas-Soċjeta’ Ċivili, dan għal fatt lill-investigazzjonijiet b’ rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
Dan qalitu l-Malta Police Association fi stqarrija b’ referenza għar-rapport tat-tlett Ewro-Parlamentari (Ana Gomes, Sven Giegold u David Casa) li kienu fuq missjoni f’ pajjiżna dwar ir-‘Rule of Law’ u li reġgħu ġew fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Dan għaliex fl-istess rapport issir referenza mhux ġusta għall-investigatur ewlieni f’ dan il-każ l-Ispettur Keith Arnaud.
Fir-rapport maħruġ fil-bidu tax-xahar intqal lill-membri tas-Soċjetà Ċivili ma’ jistgħu qatt ikollom fiduċja fil-Pulizija għax skonthom l-Ispettur Keith Arnaud jista’ jkun qed jiġbed il-linja tal-Gvern.
Filwaqt lill-Malta Police Association uriet solidarjetà mal-Ispettur Arnaud, l-assoċjazzjoni fakkret kif l-investigazzjonijiet b’ rabta mal-każ saru flimkien ma’ aġenziji nternazzjonali, u allura l-istess Ewro-Parlamentari setgħu wkoll jekk riedu tkellmu ma’ dawn l-aġenziji biex jikklarifikaw din l-allegazzjoni.
L-Assoċjazzjoni qalet li allegazzjonijeit bħal dawn jistgħu wkoll itellfu l-proċeduri legali li għaddejjin fil-qorti.
Intant, b’referenza għal dan l-iżvilupp fuq il-midja soċjali l-Ispettur Keith Arnaud staqsa għaliex l-Ewro Parlamentari ma’ vverifikawx dak li semgħu qabel ma’ attakkaw l-integrità tiegħu.