Il-ġlied, il-konfużjoni u l-intriċċi komplew jiżdiedu fil-Partit Nazzjonalista wara l-aħħar deċiżjoni tal-kumitat eżekuttiv tal-partit li tefa’ l-ballun f’saqajn il-membri tal-Kunsill Ġenerali biex jagħżlu jekk it-tesserati għandhomx jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala Kap jew tinfetaħ tellieqa ġdid għal Kap tal-partit tal-maduma.
L-għażla għat-tellieqa ġdida ta’ Kap fetħet qasma oħra fil-Partit f’tal-Pietà.
Fil-fatt il-gazzetti tal-Ħadd irrappurtaw bi prominenza min jista’ jitfa’ ismu kemm il-darba ssir tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu, Delia ta sinjal ċar lill-fazzjoni li sfiduċjatu għal tliet darbiet u trid teqirdu, li jekk se jkun hemm tellieqa ġdida għal Kap tal-partit, hu se jikkontesta.
Meta mistoqsi “F’każ illi l-Kunsill Ġenerali jiddeċiedi li jmur għal-leadership race inti se tikkontesta l-leadership race?”, Delia rrisponda “Iva ċertament.”
Tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li riedu lil Therese Comodini Cachia ssir Kap tal-Oppożizzjoni flok Delia kemmxu xuftejhom għaliex il-ħsieb tagħhom kien li Delia jiġi sfiduċjat fil-Kunsill Ġenerali, l-ogħla organu tal-Partit Nazzjonalista imbagħad jitfgħu liż-żiemel tagħhom fit-tellieqa għal Kap.
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali qalulna li ta’ Busuttil riedu jtajru lil Delia bir-raba’ vot ta’ sfiduċja fil-Kunsill Ġenerali imbagħad baxx baxx jaħtru l-Kap ġdid tagħhom.
Kien hemm min ġibed l-attenzjoni li d-deputati ribeli ma ridux jisimgħu l-vuċi tat-tesserati u hawn kien hemm uħud bħal Chris Said li ħaduha bi kbira u kif bewġu ‘l barra mid-Dar Ċentrali fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa saħqu li huma jridu jisimgħu lit-tesserati.
Said qal “Tant ridnih il-vot tat-tesserati illi bqajna ninsistu sal-aħħar, imbagħad finalment l-eżekuttiv kollu b’mod unanimu l-pożizzjoni li kellna bil-mozzjoni oriġinali li kienet tgħid li għandna mmorru biex jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista mit-tesserati.” Meta mistoqsi “Ħa toqogħdu għal dan ir-riżultat issa?”, hu qal “Dak huwa x’jiġi deċiż mill-Kunsill Ġenerali u x’jiddeċiedu t-tesserati.”
Fuq it-tesserati tkellem ukoll l-avukat Bernard Grech li fil-jiem li għaddew nieda b’mod sottili l-kampanja tiegħu u beda jdur il-każini Nazzjonalisti.
Fuq ir-radju tal-Knisja, is-Sibt filgħodu waħħal fit-tesserati għall-qasma li teżisti fil-Partit Nazzjonalista.
Meta Grech ġie mistoqsi “Il-grass roots ma jirriflettux dak li qed jgħidu d-deputati?”, hu rrisponda “Le jien qed ngħidlek kontra. Jien qed ngħidlek li l-gruppi jkunu qegħdin jirriflettu x’qed jgħidu l-grass roots,” fejn kompla billi qal “Il-qasma barra ma hijiex riżultat tal-qasma ġewwa imma l-qasma ġewwa hija riżultat fl-opinjoni umli tiegħi ta’ dak li hemm barra hemm ħsibijiet diverġenti fuq dak li qed jgħidu n-nies.”
Fil-gazzetti tal-Ħadd, Bernard Grech ġie msemmi bħala wieħed minn dawk li jista’ jikkontesta għall-elezzjoni tal-Kap, anki wara li fuq r-radju huwa qal li lest jikkunsidra li jitfa’ ismu.
Fuq il-gazzetti ssemmew ismijiet oħrajn fl-eqqel tal-ġlied bla rażan u l-firda fil-partit.
Issemmew l-ewro parlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola u Mark Anthony Sammut, it-tnejn tal-fazzjoni Busuttil.
Issemma wkoll l-avukat Joe Giglio u Alex Perici Calscione, tal-aħħar diġà kkontesta mingħajr suċċess kontra Delia tliet snin ilu.
Therese Comodini Cachia wkoll ġiet rappurtata li lesta titfa’ isimha wara li kienet hi li ħarġet għonqha l-ewwel biex dawk li sfiduċjaw lil Delia ikollhom dehra ta’ mexxej tagħhom.
Comodini Cachia ma tridx li dan iċ-ċans jisraqulha xi ħadd u bħal ma riedet tkun Kap tal-Oppożizzjoni, ġiet rappurtata li lesta tkun hi li tieħu r-riedni tal-partit.
Comodini Cachia għandha l-appoġġ ukoll ta’ Claudio Grech li oriġinarjament kellu jkun hu bħala l-persuna proposta għall-Kap tal-Oppożizzjoni tad-deputati ribelli.
Madankollu Claudio Grech li ġie mgħajjar barra l-istamperija li hu żerriegħa ta’ Austin Gatt irid karriera politika fit-tul u f’tentattiv li ma jinħaraqx minn issa, daqq l-irtirata u ma riedx li jkun hu fuq quddiem ta’ din il-ġlieda kontra Delia.