Minkejja li tal-PN jinsabu fl-oppożizzjoni għal darb’oħra, u bi tkaxkira ikbar u li qatt ma ħolmu dwarha, donnhom jippretendu jew saħansittra jaħsbu li għandhom xi dritt sagrosant li huma biss għandhom imexxu pajjiż. Hija arroganza fiha nnifisha li l-PN jaħseb li huwa xi partit li hadd ma jista’ jkun aħjar minnu.
Din l-idea li għandu l-PN tikkontrasta bil-kbir mal-fehma li għandu l-Poplu Malti. Fehma li l-Poplu Malti huwa deciż u determinat dwarha u li ma tħalli l-ebda dubju li pajjiżna ma jridx jaf iktar bil-politika tal-Partit Nazzjonalista u bl-arroganza tiegħu.
Il-fehma u l-opinjoni tal-Malti hija waħda ċara u bla ebda dubji – il-Poplu għandu fiduċja assoluta f’Joseph Muscat u l-Moviment Laburista – fiduċja li kompliet tikber maż-żmien u hija fiduċja li nkisbet fuq riżultati li wettaq dan il-Gvern. Tirrifletti fiduċja reċiproka li għandu dan il-Gvern fil-Poplu Malti u li l-Poplu Malti għandu fil-Gvern u f’Joseph Muscat.
It-tmexxija tal-PN flimkien mal-partitarji tagħhom donnhom ma jridux jew saħansittra ma jistgħux iniżżluha li l-partit tagħhom aktar ma jgħaddi ż-żmien sejjer lura bħal granċ u donnu qed jisfaxxa fix-xejn, jekk mhux diġa sfaxxa… Ma naqasx iżda fil-Partit Nazzjonalista l-arroganza kbira ta’ ċertu nies li jahsbu li huma xi ħaga aħjar minn ħaddieħor. Iridu jew ma jridux, dawn in-nies ikollhom joqgħodu għal verdett tal-Poplu li għat-tieni darba konsekuttiva rema’ lil Partit Nazzjonalista għal politika skaduta tiegħu u qal LE għall-arroganza u għall-klikkek li jeżistu fil-Partit Nazzjonalista.
B’dan kollu hemm minn tal-PN li tant qegħdha tuġgħu żaqqu li anki jasal jinfexx jgħajjar lil min huwa Laburist u lil min għazel lil dan il-Moviment bħala l-Moviment li jħossu komdu jaħdem fih. Ħasra li tal-Partit Nazzjonalista ma tgħalmux u jidher li mhux ser jitgħallmu.
Ftit hemm xi tgħidilhom lil dawn in-nies ħlief ħudu paċenzja u oqogħdu gawdu l-ħajja mill-Oppożizzjoni għas-snin li ġejjin……