Fi tweġibiet li ta lill-ġurnalisti b’rabta mal-qasam tal-enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-intervent qawwi tal-Gvern għen biex il-prezzijiet tal-enerġija f’Malta baqgħu stabbli, li jfisser li m’għolewx.
Dan għal kuntrarju ta’ pajjiżi ġirien oħra fl-Ewropa, li fi żmien ta’ ħruġ mill-pandemija, il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil għolew m’għola s-smewwiet.
Saħansitra f’jum wieħed, fir-Renju Unit, il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu b’54% f’daqqa.
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru fakkar ukoll li waqt pandemija, fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika, il-Gvern kien raħħas anki l-prezzijiet tal-fjuwil, u fix-xhur li għaddew refa’ parti mis-sisa fuq il-fjuwil biex il-prezzijiet baqgħu fost l-orħos fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru tenna, “Li għamilna kien illi fl-ikbar kriżi internazzjonali ta’ għoli ta’ prezzijiet ta’ enerġija, inkluż il-gass, pajjiżna peress li bħala Gvern ħadna d-deċiżjoni li nintervjenu b’mod aggressiv, irnexxielna nżommu l-prezzijiet tal-fjuwil, il-prezzijiet tad-dawl u l-prezzijiet tal-gass stabbli għall-konsumatur. U meta ngħid stabbli, jiġifieri ma għolewx. Fil-pakkett ta’ riġenerazzjoni ekonomika, f’Ġunju tal-2020, waqt pandemija, raħħasna l-prezz tal-petrol b’diesel b’seba’ ċenteżmi l-litru.”
Il-Prim Ministru nnota li mbagħad hemm baħar jaqsam mal-politika tal-Kap tal-Oppożizzjoni, li għalih, jekk il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew minn barra, jogħlew f’Malta wkoll u l-piż jintefa’ fuq iċ-ċittadini.
Robert Abela saħaq, “Kieku għall-Kap tal-Oppożizzjoni, taf x’wieġeb il-Kap tal-Oppożizzjoni ftit tal-ġimgħat ilu, qal jekk il-prezzijiet tal-enerġija jogħlew internazzjonalment, allura jkollhom jogħlew f’Malta wkoll. L-ewwel proposta li se jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni għal dan il-pajjiż, li jekk il-prezzijiet jogħlew, kif fil-fatt għolew, jgħolli l-kontijiet tad-dawl.”
Dr Abela nnota wkoll ir-riforma li qed jagħmel il-Gvern fis-sistema ta’ kalkolu aħjar tal-kontijiet tal-enerġija.
Qal li din hija sistema li daħħal Gvern Nazzjonalista u l-Gvern qed ibiddilha biex tkun iktar ġusta.
Fakkar iżda li Gvern Laburista raħħas il-kontijiet tad-dawl b’ħamsa u għoxrin fil-mija.
Huwa fakkar, “Is-sistema tal-billing li wżajna aħna kienet dik li introduċa l-Gvern Nazzjonalista fl-2009, b’differenza ewlenija, illi kienet is-sistema ta’ billing tagħna ħdimniha fuq kontijiet li huma 25% orħos.”