Il-filmati tal-interrogazzjoni ta’ Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, se jissemmgħu fil-proċedimenti li għaddejjin fil-Qorti kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufin bħala tal-Maksar, u l-kollaboratur tagħhom Jamie Vella – l-allegati fornituri tal-bomba li biha nqatlet Daphne Caruana Galizia.
Vince Muscat huwa wieħed minn dawk responsabbli għal dak l-assassinju.
Il-kumpilazzjoni tal-provi kontra l-aħwa tal-Maksar kif ukoll Jamie Vella u George Degiorgio nfetħet mill-ġdid illum proprju biex ikunu jistgħu jiġu esibiti l-filmati. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ordnat li mill-erba’ DVDs jinqatgħu barra l-biċċiet fejn Muscat jikxef tagħrif sensittiv dwar investigazzjoni li għaddejja dwar reat kbir ieħor.
L-akkużati huma mixlija b’akkużi relatati mal-assassinji separari tal-avukat Carmel Chircop u ta’ Daphne Caruana Galizia.
Kienet id-Difiża li tabet lill-Qorti tordna li terġa’ tinfetaħ il-kumpilazzjoni tal-provi wara li nnotat li r-rikordings ma kinux ġew esebiti waqt l-inkjesta maġisterjali. Qed jiġi rrappurtat li d-dikjarazzjoni li qed tibbaża fuqha d-Difiża ta’ Vincent Muscat għamilha bħala parti mit-talba tegħu għal maħfra Presidenzjali – talba li ma ntlaqgħetx.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Shawn Pawney, assistit mill-avukati Anthony Vella u Godwin Cini mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għal Robert u Adrian Agius qed jidhru l-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin. L-avukat Abela lum assista wkoll lil Jamie Vella flimkien mal-avukat Ishmael Psaila. Għal Vince Degiorgio dehru l-avukati Noel Bianco u Leslie Cuschieri.