Bejn it-30 ta’ Settembru u l-1 t’Ottubru li ġejjin se jittella’ l-Malta International Fish Festival maqsum fuq iż-żewġ lokalitajiet ta’ Marsaxlokk u l-Mellieħa.
Dan l-avveniment mhux biss hu maħsub biex jiċċelebra u jippromwovi s-sajjieda Maltin, iżda wkoll biex jattira aktar turiżmu ta’ kwalità.
F’dan il-festival se jkun hemm diversi prodotti lokali, bħall-ħuta tradizzjonali u staġjonali l-lampuka, fl-isfond ta’ attivitajiet ta’ folklor u artiġġjanat.
Il-kunsilli lokali rispettivi se jkollhom sehem dirett, waqt li diversi għaqdiet lokali, fosthom dawk tan-nar u l-festa, se jkomplu jiċċelebraw it-tradizzjonijiet Maltin.
Minbarra hekk, se jinġabru fondi fl-attivitajiet biex imorru għal għaqdiet filantropiċi.
Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Biedja, Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.