Hu tal-mistħija li deputati Maltin imtellgħa fil-Parlament Ewropew mill-poplu Malti biex jirrapreżentaw l-interessi tal-pajjiż, ivvotaw kontra n-nomina ta’ persuna Maltija biex isservi f’istituzzjoni Ewropea. Qalet dan id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew. “Hekk ġara llum bil-vot tad-deputati Nazzjonalisti kontra n-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Għamlu dan wara li kien ġie approvat mill-Kummissjoni tal-kontroll baġitarju tal-Parlament, u wara li l-kompetenza u l-integrità tiegħu ġew mistqarra matul is-smigħ li kellu fil-Parlament Ewropew,” qalet l-istqarrija.
Żied li “sal-bieraħ, id-deputati kollha Maltin fil-Parlament Ewropew urew prudenza u solidarjetà meta fin-nofs kien hemm nomini ta’ personalitajiet Maltin, kienu ta’ liema fehma politika kienu.”
Kompla jingħad li l-vot tad-deputati Nazzjonalisti llum f’isem il-Partit Nazzjonalista, jikkonferma li l-istess partit kien jinteressah biss mill-interessi partiġġjani tiegħu u mhux mill-interessi nazzjonali tal-pajjiż.
“Nikkundannaw bla riżerva dan l-aġir li l-mottivi, l-iskop, il-metodi u t-twettiq tiegħu juru bl-aktar mod ċar, li għall-PN, l-interessi partiġġjani huma ferm aktar importanti mill-interess ta’ Malta,” qalu l-membri tal-Parlament Ewropej f’isem il-Partit Laburista.