Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa qal li l-interess Malti ma jidħolx fuq kif huwa jivvota fil-Parlament Ewropew.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, ftit jiem wara li fil-Parlament Ewropew, f’isem il-Partit Nazzjonalista vvota kontra l-interessi ta’ pajjiżna f’rapport bl-isem Refuel EU, David Casa kien mistoqsi dwar il-vot tiegħu kontra pajjiżna hekk kif ir-rapport Refuel EU ma jagħrafx ir-realtajiet ta’ pajjiżi Ewropej bħal Malta u li b’hekk jitfa’ fi żvantaġġ kbir lil pajjiżna hekk kif ma jagħmilx distinzjoni b’saħħitha biżżejjed bejn min għandu u min m’għandux għażla fil-mezzi tat-trasport li juża.
Quddiem il-mistoqsija ta’ ONE News, David Casa kkonferma kif meta jiġi biex jivvota f’istituzzjoni tant importanti, huwa ma jaħdimx favur l-interess Malti.
“L-interess Malti jidħol mhux kif nivvutaw fil-Parlament Ewropew.”
L-Ewro Parlamentari Laburisti vvutaw kontra rapport ta’ one size fits all u meta mistoqsi li Peter Agius, il-kelliem u l-kandidat ta’ Bernard Grech, talbu biex jivvota kontra, Casa ħabat jiddejjaq u bagħatna għandu.
“Jekk dak mur saqsi lil Peter Agius issaqsix lili. Jien qed nirrispondik fuq il-vot tiegħi issa jekk għandek xi domanda li trid tagħmilha lil Peter Agius tistgħu naturalment tmorru u ssaqsuha.”
Wara l-vot favur rapport li ma jifhimx ir-realtajiet ta’ gżejjer bħal Malta, Casa imbagħad qal li l-Gvern dejjem jista’ jġib deroga biex tagħmel tajjeb għall-iżvantaġġi ta’ rapport li vvota favurih hu stess.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li David Casa deher skomdu ħafna bil-vot tiegħu li jitfa’ lil pajjiżna fi żvantaġġ, infexx anki jattakka lill-ġurnalist għall-mistoqsijiet li beda jagħmillu.