Waqt żjara li għamel lis-Summit SiGMA, waħda mill-akbar fieri internazzjonali tal-igaming u li, għal sena oħra, qed tiġi ospitata f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-interess kbir li jiġġenera dan l-avveniment jirrifletti l-ottimiżmu li jeżisti f’din l-industrija f’Malta.
Dan is-Summit, li qed isir fl-MFCC, Ta’ Qali, din is-sena attira taħt saqaf wieħed 25,000 delegat, 1,000 esebitur, u 200 start-up minn 80 pajjiż differenti.
Il-Prim Ministru rrimarka li, minkejja l-isfidi ekonomiċi globali, is-settur reżiljenti tal-gaming f’pajjiżna qed ikompli jikseb riżultati pożittivi. Fil-fatt, pajjiżna huwa l-għażla ta’ 300 kumpanija tal-gaming, li jfissru 10,000 impjieg f’dan is-settur.
Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, din l-industrija ġġenerat dħul ta’ €712 miljun fl-ekonomija Maltija, li jfisser 10 fil-mija tat-tkabbir ekonomiku li rreġistra pajjiżna matul din is-sena. Ifisser ukoll żieda ta’ €90 miljun meta mqabbel mal-ewwel nofs tas-sena l-oħra. Dan jikkumpara tajjeb ħafna wkoll mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej, li esperjenzaw kontribuzzjoni tliet darbiet inqas minn dik ta’ pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela afferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern li jkompli jibni ekonomija sostenibbli u inklużiva, partikolarment f’dan is-settur, u li dan se jkompli jibdel l-isfidi globali f’opportunitajiet. Fil-fatt, Malta hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li n-negozji li joperaw minnu m’humiex affaċċjati b’żieda fil-prezzijiet jew limitazzjonijiet fil-konsum tal-enerġija. Dan jista’ jservi bħala vantaġġ kompettitiv għall-kumpaniji f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru sostna li l-investiment fil-ħiliet u f’aktar opportunitajiet għal din l-industrija huma ta’ prijorità għall-Gvern u li avvenimenti bħas-SiGMA jiċċelebraw l-ispirtu tal-viżjoni ekonomika tal-Gvern, li se tkompli tassigura aktar snin ta’ suċċess f’din l-industrija.