Darba ma jafx fejn żelqitlu, li għandu minfejn joħroġ il-verżjoni tiegħu ‘Rajt Malta Tinbidel’. Għalkemm vera raha tinbidel quddiem għajnejh, jispera li din l-istqarrija kienet żelqitlu f’kuntest metaforiku aktar milli storiku jew dokumentattiv. Dan għaliex trid il-volumi u r-riċerka u d-dixxiplina u ż-żmien.
Hekk stqarr magħna Walid Nabhan, awtur Palestinjan Malti, li ilu jgħix f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 26 sena.
Huwa qal li b’daqshekk m’aħniex se nidħlu fl-għalqa tal-istoriċi avolja nħobb nemmen li kulħadd huwa storiku u għandu dritt għall-verżjoni tiegħu.
“Mhux kulħadd iqiegħed il-kamera fl-istess lokazzjoni, u forsi minħabba f’din il-polifonija ta’ narrattiva huwa possibbli li tgħaqqad ix-xena kollha f’xi ħaġa multidimensjonali li tagħmel sens storiku u jgħodd għal rasna.”
Bħala osservatur newtrali, Nabhan qal fil-pront li kien hemm żewġ binarji massiċċi fl-istorja moderna ta’ Malta.
“Wieħed minnhom naturalment, l-isħubija fl-Ewropa iżda qabel din kien hemm ir-romblu li witta t-triq bla ma kien jaf, u dan iġibna għall-ewwel binarju importanti fl-istorja reċenti ta’ Malta; l-Interdett u s-saga tiegħu jew is-sekularizzazzjoni ta’ Malta biex il-Knisja terfa’ idha mill-affari statali u anki tindirizza għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, ċertu kodiċijiet ċivili li tradizzjonalment, ma jmorrux mal-linja tat-tagħlim tagħha.”
Għalkemm għall-Interdett (1962) ma kienx preżenti f’Malta, u lanqas biss twieled (1966), jallega – dejjem mill-perspettiva tiegħu – li laħaq it-theżżiż tiegħu, minħabba li s-separazzjoni kienet Ċesarja.
Saħaq li l-Monsinjur Gonzi ma kienx se jħalliha lixxa, b’konsegwenzi li regħdu lill-pajjiż għal snin twal, u li laħaq tarfhom meta ġie Malta fl-1990.
Fi kliemu, wara kważi 30 sena, il-battalja ma kinitx iffinalizzata għalkollox, u mhi qatt se tkun.
“Malta kienet u se tibqa’ dejjem Kattolika irrispettivament x’partit u ideoloġija qed imexxu t-tmun tagħha, u r-raġuni hija sempliċi; għax ma tafx tkun ħaġa oħra.”
Waqt passiġġata fil-Barrakka t’Isfel, l-awtur qalilna li meta wieħed jirrefletti sewwa fuq l-Interdett u s-saga tiegħu, u seta’ ma kienx il-perit Mintoff, kien min kien, għandu jirrealizza li mingħajr din il-konfrontazzjoni mal-Knisja, ma konniex naslu, jew ejja ngħidu bl-istess ħeffa għat-tieni binarju importanti fil-mixja ta’ Malta; is-sħubija mal-Unjoni Ewropea u l-bidla enormi li ġabet magħha.
Nabhan stqarr li Malta tal-1990, ma tantx kienet taċċetta omm mhux miżżewġa (single mother), u lanqas kellha drittijiet soċjali suriet in-nies għall-ommijiet l-oħra bir-raġel. Koppji separati qishom dimonji u d-divorzju dnub il-mejjet, u l-omosesswalità għal naqra mhux att kriminali. Fil-fatt għad-divorzju, Malta kellha toħroġ f’referendum sħun fl-2011 kontra l-Knisja u t-tentakli tagħha, u l-leġiżlazzjoni kienet għaddiet bl-iżbrixx (53%). Fi kliemu, referendum bħal dan, definittivament ma kienx jgħaddi kieku t-triq ma kinitx ġa mwittija.
F’termini ġenerali, kien hemm bidla soċjo-kulturali qed isseħħ bil-mod. “Kien bdieha Mintoff, iżda bl-isħubija tal-Ewropa, flimkien mat-tfaċċar tal-internet, għaġġlu ħafna fil-pass kultant imherwel ta’ Malta, abbli għalhekk bqajna statiċi f’ċerti dipartimenti bħall-kaċċa u l-ambjent, u d-donazzjoni tal-organi u l-kremazzjoni, fost l-oħrajn.”
M’hemmx dubju li f’25 sena seħħu bidliet kbar mhux biss f’Malta, iżda fl-arena interkontinentali kollha. Ir-rivoluzzjoni fil-komunikazzjoni mhux biss fetħet prospetti mhux immaġinabbli quddiem il-bniedem u s-soċjetajiet umani inġenerali, iżda sfurzat lid-dinja kollha biex tidħol f’fażi ġdida u era ġdida.
Fost l-affarijiet li rahom jinbidlu u jispera li kellu sehem ċkejken fil-korsa tagħhom, huwa l-Qawmien Lettararju u l-kunfidenza raġonevoli li reġgħet sabet il-lingwa Maltija fiha nnifisha. Qabbilha ma’ għarusa eterna li qed tistenbaħ mill-irqad.
“Imma din l-għarusa Feniċi ma kinitx se tqum minn jeddha. Kien hemm ġenerazzjoni qalbina li tatha n-nifs u l-ħajja. Ibda minn Oliver Friggieri, Alfred Sant, Mario Azzopardi u Maria Ganado u oħrajn milli kienu rawmu lill-ġenerazzjoni ta’ Immanuel Mifsud, Adrian Grima, Pierre Meilaq u Clare Azzopardi, u lista twila millli qegħdin jiddokumentaw lill-Malta – billi jżommu l-lingwa tagħha ħajja u sbejħa u attiva.”
Novella jew rumanz, u anki poeżija, għandhom minfejn jagħtuna silta awtentika mill-perjodu mitteħdin minnu. Rumanzier u awtur fil-biċċa l-kbira, aktar espliċitu u sinċier fejn tidħol dokumentazzjoni.
Iva ra Malta tinbidel. Raha timxi u tiġri u taqbeż u anki titgerbeb u togħtor, bħalma jagħmlu ħafna ċriev. Imma raha wkoll, kważi dejjem – tkun xi tkun l-okkażjoni – tqum fuq tagħha. Billi nagħtu naqra bejnietna kultant ma jkun ġara xejn. “Anki l-imsaren taż-żaqq jagħtu bejniethom”.
Nabhan qal li tgħajjar u tmaqdar u taqla’ lill-ieħor huwa l-aħjar mod biex jikbru t-tnejn f’daqqa. Daqshekk hi sempliċi, l-għażiża demokrazija.
“Iva. Rajt Malta tinbidel, u nemmen li għall-aħjar, u hekk nixtieqha, Sirena Mediterranja ġmielha; daqs kemm nixtieq inkun punt ċkejken fir-rakkmu msaħħar tal-libsa tagħha.”
F’dawn l-aħħar 26 sena Nabhan integra fis-soċjetà Maltija. Wara li wasal Malta baqa’ fil-periferija u baqa’ josserva sakemm beda jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà, inkluż fil-kitba letterarja, u rnexxielu jirrakkonta minn barra bħala barrani, iżda bl-idjoma ta’ ġewwa.
L-awtur qalilna li minkejja li dam għoxrin sena biex jikseb id-dokumenti neċessarji, qalbu ilu jħossha Maltija u li bħall-kumplament tal-Maltin jaspira li jara lil dan il-pajjiż fuq quddiem. Malta qatt ma trattatu bħala barrani u fil-letteratura tiegħu jirreferi għaliha bħala “dik l-omm li fetħitlu ħdanha”.