Il-kundanni, it-tberik, il-bulettini, il-gazzetti, il-ġunta, il-qniepen, is-sfafar, il-miżbla…. l-Interdett.
‘L-Interdett’ hija sensiela ta’ sitt dokumentarji li se jixxandru kull nhar ta’ Tlieta fid-9.00 ta’ filgħaxija fuq ONE.
L-Interdett – tnejn u sittin sena minn meta nħareġ mill-Knisja fuq il-Mexxej Laburista ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff, u l-Eżekuttiv kollu tal-Partit Laburista, fost l-oħrajn.
L-Interdett, li kien wassal għal ħafna tbatijiet għal ħafna familji Maltin.
L-interdett – tebgħa sewda fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
Kull min kien iħaddan prinċipji soċjalisti jew kien jivvota lill-Partit Laburista kien ikun meqjus li qed jagħmel dnub mejjet.
Id-Dokumentarju ‘L-Interdett’, b’riċerka u kitba ta’ Mark Farrugia, se jkun minsuġ b’filmati u ritratti li se jkunu qed jidhru għall-ewwel darba.
“Se nibdew l-ewwel billi naraw l-isfond tal-ġrajja li se nkunu qed nitkellmu dwarha. Imbagħad, se naraw kif u għaliex ingħata l-Interdett. Se naraw ukoll x’kien ifisser l-Interdett fil-ħajja ta’ kuljum ta’ ħafna Maltin u Għawdxin. Se jkollna diskorsi tal-Perit Dom Mintoff, u anki interventi tal-Arċisqof Mikiel Gonzi. Se jkollna intervisti ma’ numru ta’ akkademiċi mill-Università ta’ Malta u anki riċerkaturi oħra. Se jkollna intervisti ma’ nies li għexu l-Interdett, jew inkella nies li l-qraba tagħhom għexu l-Interdett.”
Is-sitt episodji tad-dokumentarju “L-Interdett” jixxandru kull nhar ta’ Tlieta, fid-9 ta’ filgħaxija, fuq ONE.