Sakemm Sqallija u r-reġjun ta’ bejn Malta u l-Italja jibqgħu jintlaqtu bil-maltemp u l-għarar, pajjiżna se jibqa’ suxxettibbli għall-qtugħ fil-provvista tad-dawl.
Ir-raġuni għal dan hija ċara skont ic-Chairman tal-Enemalta, Fredrick Azzopardi “l-interconnector huwa vulnerabbli u f’ dawn l-aħħar ġimgħat dan intwera b’ mod ċar”.
Il-possibilita li tinqala’ l-ħsara fl-infrastruttura tal-interconnector mhijiex rari daqs kemm wieħed jixtieq u għalhekk, il-Ministru Konrad Mizzi stqarr li mill-att tekniku, anka jekk ikollok iktar minn interconnector wieħed, pajjiżna jibqa’ fl-istess sitwazzjoni.
Hawnhekk fakkar li l-pjan tal-enerġija ta’ Simon Busuttil huwa li pajjiżna jikseb l-enerġija kollha minn żewġ interconnectors u mhux mill-powerstation il-ġdida, u għalhekk il-problemi li nqalgħu tul il-lejl u dalgħodu jsiru l-ordni tal-ġurnata.
Il-Ministru sostna li ġaladarba jintemmu l-aħħar testijiet fuq il-power station tal-gass, Dellimara 4, u tibda topera b’ mod sħiħ flimkien mal-powerstation tal-BWSC, li wkoll se topera bil-gass, l-interconnector mhuwiex se jibqa’ s-sors ewlieni tal-enerġija u b’hekk il-problemi infrastrutturali ma jwasslux għal pajjiż bla dawl.
Aqra aktar: Circuit breaker fi Sqallija l-kawża tal-qtugħ tad-dawl