L-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, deher fuq il-pedana tax-xhieda fil-Qorti fejn stqarr li l-interċettar tat-telefonati li sar mis-Servizzi tas-Sigurtà fuq dawk mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galizia kien użat bħala evidenza biex tgħin lill-pulizija tanalizza l-kumplament tal-evidenza.
Arnaud saħaq li l-interċettar tat-telefonati ma kinux l-uniku investigazzjoni wara li kompla jinstema’ l-każ kostituzzjonali li fetaħ George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż biex jikkontesta l-validità tat-telefonati interċettati.