Il-ġbir tal-intelliġenza dwar il-kriminali, flimkien mar-riforma fl-operat tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, kienu żewġ fatturi minn bosta, li wasslu biex matul is-sena li għaddiet, il-kriminalità naqset b’sebgħa fil-mija.
F’intervista ma’ ONE NEWS l-Ispettur Fabian Fleri mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali qal li fl-aħħar xhur il-korp waqqaf is-‘CID Analysis Unit’ li bdiet tiġbor u taħżen l-intelliġenza. Dan tagħmlu minn informazzjoni li l-Pulizija tiġbor minn każi investigati u osservazzjonijiet li jsiru ta’ kuljum.
Qal li l-Pulizija qed ikollha biżżejjed informazzjoni dwar il-kriminali u f’ċertu każi qed tkun pass qabel il-kriminal.
“Ċerta intelliġenza int tkun tista’ tara fejn huma l-‘hotspots’ tara fejn hemm affarijiet li inti hemm iċ-ċans tara l-postijiet fejn qed jiġru r-reati u ċertu tip ta’ kriminalità. Int tkun tista’ tibbaża iżjed ir-riżorsi tiegħek u toħroġ iżjed ‘awareness’ u tagħmel ċertu prevenzjoni u l-kriminalità tonqos,” qal l-Ispettur Fleri.
B’investiment ta’ eluf kbar ta’ ewro l-Korp tal-Pulizija investa f’sala ġdida mgħammra bl-aħħar teknoloġija, li fiha tiġi analizzata l-informazzjoni li qed tinġabar dwar il-kriminali.
“Tgħallimna ħafna l-metodoloġija ta’ kif jaħdmu dawn in-nies, kif jingħaqdu, fejn u kif jagħmlu r-rati, kif jeħilsu mir-reforattiva u allura inti tista’ iżjed tiġġielidhom u ‘once’ li waqqaft iċ-ċirku int se tara ‘spike’ ’l isfel fil-kriminalità,” qal l-Ispettur Fleri.
Minkejja li fl-aħħar sena kien hemm tnaqqis f’kull tip ta’ serq, dak minn propjetajiet baqa’ fl-istess livell. L-Ispettur Fabian Fleri kif il-Pulizija se tkompli taħdem biex dan jitnaqqas fl-anqas livelli minkejja li qal li “trid tara wkoll in-numru ta’ residenzi hawn Malta dejjem jiżdied, allura inti allavolja bħala numru baqa’ l-istess , iżda xorta fil-livell tat-tnaqqis.”
F’Ottubru li għadda t-tmexxija tal-korp rriformat ukoll l-operat tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Dan inqasam fi skwadri iżgħar, li żdiedu mal-Iskwadra tal-Omiċidji li kibret fir-riżors uman, u l-iskwadra tal-vetturi misruqa.
“Il-‘Property Crime Unit’ li tispeċjalizza fuq serq mid-djar u stabbilimenti u ħruq fejn tidħol propjetà u għandek il-‘Violent Crimes Unit’ li tinvestiga serq fejn jinvolvi vjolenza bħal-‘armed robberies’, ‘mugging’ u serq minn fuq anzjani,” sostna l-Ispettur Fleri.
Il-frott ta’ din ir-riforma beda jidher mal-ewwel b’mod partikolari bir-rata ta’ każi marbuta ma’ serq vjolenti li ġew solvuti. Dan għall-fatt li l-uffiċjali bdew jispeċjallzaw fix-xogħol tat-taqsima tagħhom biss.