L-organizzazzjoni Inspire bdiet il-preparamenti għal proġett multimiljunarju ġdid bl-isem Ċentru Stubbs, li se jipprovdi faċilitajiet u servizzi ġodda għal persuni b’diżabilità.
Dan iċ-ċentru se jikkonsisti fi spazji aċċessibbli mgħammra bit-teknoloġija neċessarja biex jingħata tagħlim edukattiv, rikreattiv, terapewtiku u soċjali.
Minnu se jiġu offruti programmi ġodda, fosthom dwar għajxien indipendenti, id-dinja tax-xogħol u servizzi ta’ respite.
Fil-preżent, l-Inspire toffri servizzi u faċilitajiet minn Marsaskala, fosthom pixxina msaħħna, terapija bl-annimali, kmamar multisensorjali, u spazji terapewtiċi oħra.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire, Antonello Gauci, qal li dan iċ-ċentru huwa bżonnjuż biex tintlaħaq id-domanda.
“Illum nafu li l-ispazji li għandna mhumiex biżżejjed allura bilfors irridu nidħlu għal dan l-iżvilupp li ħa jagħtina l-opportunità li nagħtu s-servizz minn propjetà li hija mibnija għal tal-apposta għat-tip ta’ servizzi li qed nagħtu.”
Antonello Gauci – Kap Eżekuttiv, Inspire
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, faħħret il-ġid imprezzabbli li qed twettaq din l-għaqda u tenniet li soċjetà b’saħħitha tħares lejn l-isfidi u tara kif se tindirizzahom.
“Soċjetà b’saħħitha hija dik is-soċjetà li taħseb mhux biss fuq il-ħtiġijiet li għandhom bżonn familji u persuni b’diżabilità bħalissa imma li nħarsu l’ quddiem fuq mhedda ta’ snin biex naraw il-popolazzjoni tagħna kif se tkun sa numru ta’ snin oħra u l-isfidi li se jkollna bżonn li nindirizzaw”
Julia Farrugia Portelli – Ministru
Fl-erbgħa t’Awwissu se ssir maratona ġbir ta’ fondi b’risq l-Inspire, li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, bil-għan li jinġabru fondi għal dan l-istess proġett.