Diċembru li għadda kien ix-xahar li fih kien hemm l-inqas numru ta’ nies qiegħda fl-istorja ta’ pajjiżna: elf u sitta u erbgħin ruħ.
Dan seħħ b’riżultat tal-inċentivi vasti li introduċa l-gvern Laburista, immexxi minn Robert Abela, matul l-aħħar tliet snin li kienu kkaratterizzati minn kriżijiet internazzjonali.
Kienu deċiżjonijiet li servew biex komplew ipoġġu l-pajjiż fid-direzzjoni t-tajba, kif ikkonfermat il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen nhar il-Ġimgħa li għadda.
Il-gazzetta KullĦadd osservat li, fl-aħħar xahar tal-2022 dawk bla xogħol kienu 10 fil-mija inqas milli kienu sena qabel, anke jekk f’Diċembru 2021 kien diġà ntlaħaq minimu storiku ieħor fejn jidħol l-għadd ta’ persuni jirreġistraw.
Fil-fatt, dawk bla xogħol kienu naqsu b’mod sostanzjali fit-12-il xahar ta’ qabel għax l-ekonomija kienet bdiet tirpilja b’mod qawwi, frott il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li kien qed jimplimenta l-gvern Laburista.
Analiżi li għamlet il-gazzetta KullĦadd turi li, kemm ilu Prim Ministru Robert Abela, il-qgħad naqas bi kważi 600 persuna. Dan ifisser li l-għadd ta’ dawk jirreġistraw naqas bħala medja b’żewġ persuni kull tlett ijiem kemm ilu jmexxi l-amministrazzjoni nazzjonali Robert Abela.
Qabel Robert Abela sar Prim Ministru, l-inqas li kien niżel il-qgħad fix-xahar ta’ Diċembru kien għal-livell ta’ 1,642 fl-2019.
L-għadd ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol
Diċembru 2022 1,046
Diċembru 2021 1,167
Diċembru 2020 2,765
Diċembru 2019 1,642
Ċifri tal-inqas rati li qatt naqas il-qgħad f’Diċembru fi żmien il-gvernijiet Nazzjonalisti ta’ Lawrence Gonzi u Eddie Fenech Adami huma bejn ħamsa u sitt darbiet agħar minn dik miksuba xahar ilu taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela.
L-inqas rata ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol f’Diċembru taħt Prim Ministri differenti
Diċembru 2022 – ROBERT ABELA – 1,046
Diċembru 2007 – LAWRENCE GONZI – 6,172
Diċembru 1989 – EDDIE FENECH ADAMI – 5,170
DIĊEMBRU 1979 – DOM MINTOFF – 3,290
DIĊEMBRU 1969 – ĠORĠ BORG OLIVIER – 3,810
Iċ-ċifra storikament baxxa tal-qgħad irreġistrata f’Diċembru li għadda seħħet minkejja li Robert Abela kellu jaffronta l-effetti tal-akbar pandemija fl-aħħar 80 sena u kriżi internazzjonali mingħajr preċedent fl-istorja riċenti b’riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna.