F’Ġunju li għadda, ir-rata’ ta’ qgħad f’pajjiżna kienet ta’ tlieta fil-mija.
Din hija l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.
Dan ħareġ f’ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Skont l-NSO, ix-xahar ta’ qabel, jiġifieri Mejju, ir-rata ta’ qgħad kienet ta’ 3.1 fil-mija. Dan ifisser li f’xahar, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kompliet tonqos.
Meta tqabbel ir-rata ta’ Ġunju ta’ din is-sena ma’ Ġunju tas-sena l-oħra, ir-rata ta’ qgħad naqset b’nofs perċentwal, hekk kif f’Ġunju tas-sena l-oħra r-rata ta’ qgħad kienet ta’ 3.5 fil-mija.
Fir-rapport tal-NSO, ħareġ kif hemm iżjed irġiel li huma qiegħda milli nisa, hekk kif l-irġiel bla xogħol jammontaw għal tlieta punt tlieta fil-mija, filwaqt li n-nisa qiegħda jammontaw għal tnejn punt sitta fil-mija.
Skont l-aħħar tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għas-sajf, ir-rata ta’ qgħad se tkompli tonqos, minkejja l-isfidi riċenti fosthom dik tal-pandemija u l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa.
Dwar dawn iċ-ċifri, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din ir-rata hija għaxar darbiet inqas minn dik ta’ Jannar tal-elfejn u għoxrin, meta ħa t-tmun ta’ pajjiżna bħala Prim Ministru.
Dr Abela qal kif din l-amministrazzjoni se tkompli taħdem għall-prosperità.