Ir-rata ta’ mwiet kawża ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol f’Malta hija dik ta’ 0.5 fatalità għal kull 100,000 ħaddiem, l-inqas rata fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Ir-rata medja għall-Ewropa hija ta’ 2.5 fatalità għal kull 100,000 ħaddiem.
Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol Mark Gauci spjega li dan ir-riżultat ixejjen għal kollox il-perċezzjoni żbaljata li Malta tipparaguna ħażin ħafna mal-bqija tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
Huwa spjega: “Irridu nirrikonoxxu l-progress li sar hawn Malta u bażikament ixejjen dak id-diskors li jintqal li Malta għandna xi sitwazzjoni diżastruża ma’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew inkella li nipparagunaw b’mod ħażin ħafna mal-bqija tal-Unjoni Ewropea.”
Is-Sur Gauci spjega li l-progress li għamlet l-Awtorità fl-aħħar snin wasal permezz ta’ informazzjoni aġġornata lil kull min jeħtieġa, bl-iżvilupp ta’ liġijiet ġodda u l-infurzar tagħhom.
Sostna wkoll li l-Awtorità baqgħet għaddejja bil-ħidma tagħha fiż-żmien tal-pandemija COVID-19 hekk kif baqgħu jsiru spezzjonijiet tal-postijiet tax-xogħol.
Fl-aħħar erba’ ġimgħat saru madwar 600 spezzjoni, filwaqt li tlestew numru ta’ linji gwida, fosthom dwar il-kontroll tal-kimika fuq ix-xogħol, l-użu ta’ excavators għall-irfiegħ, kif ukoll iffinaliżżat l-aġġornar tal-Kodiċi ta’ Prattika għas-settur tal-kostruzzjoni.
Is-Sur Gauci kompla jispjega: “L-aġenzija Ewropea tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol talbet lil OHSA biex twassal dan il-pjan ta’ kontinġenza lis-spettorati kollha tal-Unjoni Ewropea għaliex huwa meqjus eżempju ta’ prattika tajba.”